Lokali

Metsola f’Ramallah… tiltaqa’ wkoll ma’ ostaġġi u qraba Iżraeljani

Matul iż-żjara tagħha f’Ramallah, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kellha laqgħa kostruttiva mas-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Organizzazzjoni tal-Ħelsien tal-Palestina Hussein al-Sheikh. Hija stqarret li se żżommu d-djalogu għaddej hekk kif iż-żewġ naħat jaħdmu lejn paċi u stabbiltà dejjiema fir-reġjun li joffri tama lill-Palestinjani u sigurtà lill-Iżraeljani.

Il-President Metsola żiedet tgħid li l-ewwel pass irid ikun li l-ftehim ta’ ħelsien mill-waqfien mill-ġlied tal-ostaġġi jżomm.

Il-President Metsola ltaqgħet ukoll man-nominata għall-Premju Sakharov tas-sena l-oħra, Reem Al Hajajra, Direttur tal-organizzazjoni Women of the Sun. Hija rringrazzjat lis-Sinjura Al Hajajra għad-determinazzjoni bla waqfien u l-impenn tagħha biex jintlaħaq il-paċi.

Matul iż-żjara tagħha, hija ltaqgħet ukoll ma’ ostaġġi meħlusa, il-familji tagħhom u l-vittmi tal-kunflitt.

Ilbieraħ filgħaxija, il-President Metsola kellha laqgħa mal-President ta’ Iżrael Isaac Herzog, fejn kellhom diskussjonijiet dwar il-ħtieġa li jitlesta l-ftehim dwar il-ħelsien tal-ostaġġi u l-waqfien mill-ġlied.

F’isem il-Parlament Ewropew, il-President Metsola tenniet l-appell biex dawk kollha li ttieħdu ostaġġi jiġu rritornati għand il-familji tagħhom. Kompliet li l-Ewropa se tkompli taħdem lejn stabbiltà, sigurtà u paċi dejjiema fir-reġjun kollu.