Lokali

OPINJONI: Ġirja għal isfel

Pajjiżna taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela mhux talli ma għamilx ġlieda effettiva kontra l-korruzzjoni talli din kompliet tgħolli rasha sal-punt li pajjiżna kompla jimxi b’lura flok ’il quddiem

minn Angelo Micallef

“The 2024 Corruption Perceptions Index (CPI) shows that corruption is a dangerous problem in every part of the world, but change for the better is happening in many countries”.
Hekk tistqarr il-paġna tas-sit ta’ Transparency International li ta’ kull sena tippublika l-istudju magħruf bħala l-Corruption Perception Index. Studju li jgawdi rispett fuq livell globali u li jintuża minn bosta sabiex jistudjaw is-sitwazzjoni ġo pajjiż partikolari f’termini ta’ kemm hi prevalenti l-korruzzjoni.
F’dan l-indiċi nsibu li l-aktar tliet pajjiżi b’perċezzjoni baxxa ta’ korruzzjoni huma d-Danimarka, il-Finlandja u Singapore. Min-naħa l-oħra fl-aħħar tal-lista nsibu s-Sudan t’Isfel, is-Somalja u l-Venezwela. B’kollox huma mogħtija punti lil xejn inqas min 180 pajjiż madwar id-dinja.

L-istess riga ma’ kulħadd
Il-mod kif isir dan l-istudju huwa fuq bażi identika għal kull pajjiż sabiex b’hekk tintuża l-istess riga ma’ kulħadd. Fil-fatt is-sit ta’ Transparency International jispjega li “The CPI is the leading measurement for public sector corruption worldwide. Because it combines many different manifestations of corruption into one globally comparable indicator, it provides a more comprehensive picture of the situation in a particular country than each source taken separately. The process for calculating the CPI is regularly reviewed to make sure it is as robust and coherent as possible. This was done most recently by the European Commis-sion’s Joint Research Centre in 2017”.
Il-punteġġ li kiseb pajjiżna fis-sena 2024 huwa ta’ 46 sabiex b’hekk sab ruħu fil-65 post minn 180 pajjiż. Riżultat li juri li pajjiżna mexa b’lura flok ’il quddiem hekk kif fl-2023 kiseb 51 punt u kien fil-55 post minn 180 pajjiż. Kuntrast ukoll meta wieħed jiftakar li fis-sena 2015 Malta kienet kisbet 60 punt u kienet fl-34 post. Fil-fatt mill-2021 pajjiżna b’mod konsistenti mexa b’lura flok ’il quddiem.

Lura flok ’il quddiem
Imma lil hinn min-numri u statistiċi xi jfisser dan kollu għal pajjiżna? L-ewwel u qabel kollox turi li Robert Abela, li tant jiftaħar u jippoppa sidru li huwa xi paladin tal-governanza tajba, weħel mill-aktar test bażiku li hemm fejn tidħol il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Turija ċara kristall li pajjiżna taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela mhux talli ma għamilx ġlieda effettiva kontra l-korruzzjoni talli din kompliet tgħolli rasha sal-punt li pajjiżna kompla jimxi b’lura flok ’il quddiem.
Prova li llum il-ġurnata pajjiżna spiċċa f’sitwazzjoni agħar minn pajjiżi bħall-Armenia, in-Namibia, il-Greċja u l-Vanuatu filwaqt li Robert Abela jridna nemmnu li aħna l-aqwa fl-Ewropa jekk mhux l-aqwa fid-dinja.
Tfisser ukoll li pajjiżna se jibqa’ jara ismu mċappas u meqjus bħala wieħed mid-dirty men of Europe jiġifieri wieħed mill-pajjiżi traskurati tal-Ewropa. Dan naturalment jagħmilha aktar diffiċli għal pajjiżna biex jattira investiment barrani ta’ kwalità speċjalment meta wieħed iqis kompetituri bħal-Lussemburgu, li tinstab fil-5 post b’81 punt u l-Irlanda li tinstab fl-10 post b’77 punt. Anke Ċipru, gżira Ewropea bħalna u wkoll kompetitur tinstab fis-46 post b’56 punt.

Reġa’ weħel minn test ieħor
Pajjiżna ser jibqa’ jsib l-isfidi sabiex jattira investiment ta’ kwalità. Il-Maltin, minkejja l-ħidma bieżla tagħhom ser jibqgħu jaraw lilhom infushom żvantaġġati ma’ kompetituri Ewropej sempliċement għaliex Robert Abela reġa’ weħel minn test ieħor tal-governanza.
Ifisser ukoll li f’pajjiżna jeħtieġ li nsaħħu aktar minn qatt qabel il-ġustizzja u l-kontabbiltà. Jeħtieġ li aktar minn qatt qabel inżidu t-trasparenza politika u li jkun ċar li l-liġi tapplika bl-istess mod għal kulħadd. Huwa forsi ironiku li r-rapport ta’ Transparency International ħareġ fl-istess jiem li fil-Parlament Malti qed naraw riforma oxxena fejn jidħlu l-inkjesti maġisterjali.

Stedina
Nhar il-Ħadd li ġej il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan permezz ta’ fondi miksuba mis-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u tar-Reġjun Tramuntana se jorganizza mill-ġdid ċelebrazzjoni ta’ Jum San Valentinu.
L-attività tibda fis-18:45 fis-Sala Aurora u se tara l-parteċipazzjoni taċ-Ċentru taż-Żgħażagħ Ħal Balzan, is-Soċjetà Filarmonika Marija Annunzjata u l-Każin tal-Banda San Gabriel. Se jkollna magħna wkoll il-kantant leġġendarju Freddie Portelli.
Dħul huwa b’xejn u kulħadd huwa mistieden jingħaqad magħna.