mid-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia
Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża
Tiftaħ meta tiftaħ il-gazzetti jew in-newsportals, kontinwament tisma’ fuq l-għoli tal-ħajja. Daqqa tisma’ li għolew prodotti essenzjali, daqqa li għola l-internet, daqqa li għola l-prezz tal-ħalib, daqqa li togħla ħaġa, jew li togħla oħra. Titkellem man-nies, jgħidulek kif qed ikollhom joqogħdu lura minn ċertu affarijiet għaliex ix-xirja saret għalja wisq. Dan ifisser li kollox ħażin f’pajjiżna?
Mhux il-każ, anzi, aħna mhux biss għandna d-dover li nirrikonoxxu t-tajjeb li jsir, imma li saħansitra nkomplu naħdmu biex nagħmluh aħjar. Pero’ hawn realtajiet diffiċli ħafna.
Familji f’diffikultà
Fil-fatt bħala politiċi li kontinwament nitkellmu u nisimgħu lin-nies, nisimgħu bosta sfidi li ta’ kuljum il-familji u s-sidien tan-negozji qed jiffaċċjaw. Sfida ewlenija hi l-għoli tal-ħajja. Ċittadini li jgħidulek kemm hi diffiċli biex inlaħħqu sal-aħħar tax-xahar.
In-nies jgħidulek kif minkejja l-ħafna propaganda, ġenwinament mhux ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja. Ilni nisma’ bosta frażijiet li juru l-uġigħ, il-frustrazzjoni u r-realtà iebsa ta’ bosta ħaddiema Maltin u Għawdxin. Kemm-il darba nisma’: “neżisti qiegħed mhux ngħix”, “saret wisq għolja l-ħajja”, “nixtieq għandi iktar ħin għal mal-familja imma ma naffordjax”, “jien naħdem u nistinka u ħaddieħor jiffanga mit-taxxi li nħallas”.
Dawn huma s-sentimenti ta’ bosta. Sentimenti li forsi ma narawx fuq xi programm jew fuq is-social media. Sentimenti li ċertu Ministri li jinqaflu fit-torri tal-avorju tagħhom, ma jisimgħuhomx. Anzi, ma trid xejn jgħidulek li dan kollu perċezzjoni! Imma dawn huma sentimenti ġenwini u reali tassew. Ħafna nies iħossuhom qegħdin f’morsa.
X’jgħid il-poplu huwa l-aqwa barometru ta’ x’inhu għaddej. Madankollu, anke studji mill-aktar dettaljati jikkonfermaw dan. Fil-fatt l-istudju li sar mill-Caritas Malta dwar l-ispejjeż bażiċi fejn tidħol l-għoli tal-ħajja juri li mis-sena 2020 ’il hawn kien hemm żieda sinifikanti fl-għoli tal-ħajja. Dan l-istudju dettaljat tal-Caritas f’pajjiżna, juri li l-ispiża tal-ikel minn Lulju 2020 sa Marzu 2024, għal familja ta’ żewġ adulti u żewġt itfal żdiedet bi kważi 50% fuq l-istess prodotti. Din hi żieda sinifikanti ħafna. L-għoli tal-ħajja tolqot lil kulħadd, imma l-iktar li tweġġa’ lill-vulnerabbli. Dawk li jgħaddu verament bi ftit.
Il-Partit Nazzjonalista ilu li nieda l-viżjoni tiegħu biex l-isfidi li qed iġġib l-għoli tal-ħajja jkunu mtaffin. Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jappella u jinsisti mal-Gvern biex b’mod immedjat jieħu nota u jattwa l-proposti li issa ilhom żmien li tressqu ’l quddiem mill-Oppożizzjoni. Il-politika tal-Partit Nazzjonalista hi dejjem favur in-nies. Il-Partit Nazzjonalista għandu pjan ċar u strutturat biex inaqqas il-piż finanzjarju minn fuq in-negozji u l-familji.
Dawn jinkludu:
• It-tneħħija tat-taxxa fuq il-COLA, biex il-ħaddiema jieħdu l-ammont sħiħ fil-pagi tagħhom.
• Inċentivi fiskali lil min iħaddem biex jikkumbatti għaż-żidiet tal-għoli tal-ħajja u fejn ikun possibbli ma jissarrfux fi prezzijiet ogħla għall-konsumatur.
• Jinħoloq Fond Nazzjonali b’baġit annwali biex jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta u dan biex jagħmel tajjeb għall-impatt tal-għoli tal-ħajja.
• Jinħoloq mudell ekonomiku sostenibbli li jiffoka fuq impjiegi ta’ kwalità, tkabbir sostenibbli u billi nsaħħu l-livelli ta’ produttività. Dan iwassal biex ikollna pagi aħjar u standard ta’ għajxien aħjar.
Tnaqqis fit-taxxa
Barra minn hekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, spjega kif qed nipproponu tnaqqis fit-taxxa għan-negozji minn 35% għal 25%, u anke effettivament għal 15% fuq l-ewwel €500,000 profitt li jiġu investiti fin-negozju u dan biex insaħħu n-negozju u l-impjiegi ta’ kwalità.
Studju ieħor, din id-darba mid-ditta KPMG, juri kif l-income inequality, żdiedet bil-kbir. Skont dan ir-rapport, il-persentaġġ tal-Gini Coefficient għal Malta, jiġifieri l-inugwaljanza fid-dħul, issa laħqet it-33%, rata ogħla mill-medja tal-UE li hi dik ta’ madwar 29.6%.
Imma li hu inkwetanti hu li filwaqt li l-income inequality naqset b’mod kostanti madwar l-Ewropa matul l-aħħar is-snin, it-trend li qed naraw matul l-aħħar snin f’pajjiżna hi li l-income inequality qed tiżdied, b’żieda sostanzjali sa mis-sena 2019.
Aħna nibqgħu ninsistu li n-nies iridu viżjoni soċjoekonomika li toħloq il-ġid. Jeħtieġ li nżidu l-livelli ta’ produttività f’pajjiżna. In-nies iridu kwalità ta’ ħajja aħjar bil-fatti. Irridu li l-fondi pubbliċi jintużaw għall-ġid komuni u mhux biex tal-qalba jkomplu jitħanżru.
Dan hu l-pedament li fuqu tinbena politika li toffri lill-poplu Malti tama ġdida ta’ prosperità, li madanakollu hi mibnija fuq dak kollu li hu ġust. Pjan li jara li verament ħadd ma jibqa’ lura.
//= $special ?>