Lokali

Opinjoni: Wegħdi biss, wegħdi spiss… u ma jsir xejn

F’dawn l-aħħar 12-il sena ta’ Gvern Laburista, il-poplu ta’ Birżebbuġa ġie mwiegħed ħafna iżda ma sar xejn. Ġie mwiegħed li l-art tal-eks impjant tal-gass tal-Qajjenza tinbidel fi proġett li jgawdi minnu l-poplu tal-lokalità. Ġie mwiegħed li l-art fejn kien hemm it-tankijiet taż-żejt fil-Qajjenza tinbidel fi proġett b’investiment ta’ €40 miljun f’Ċentru ta’ Rikreazzjoni. Kien imwiegħed Dar tal-Anzjani. Fl-aħħar ġimgħat, il-poplu ta’ Birżebbuġa kien imwiegħed proġett ieħor: dak tar-riġenerazzjoni tal-‘promenade’ ta’ Birżebbuġa b’investiment ta’ €12-il miljun. Barra minn dawn hemm ukoll il-moll tax-Shell li suppost jinbidel fi proġett rekrattiv li minnu jgawdi l-poplu ta’ Birżebbuġa!

minn Joe M. Zahra

Ħafna wegħdi u s’issa ma sar xejn. L-uniċi żewġ proġetti li l-Gvern Laburista wettaq f’Birżebbuġa kienu l-‘waterpolo pitch’ u l-grawnd tal-futbol. Żewġ proġetti li kienu pjanati minn Gvern Nazzjonalista, li vvota l-flus għalihom għal sentejn fuq xulxin. Fil-każ tal-‘waterpolo pitch’ mhux biss kien hemm il-flus allokati għalih iżda kollox kien lest biex jibda x-xogħol.
Ħabib tiegħi li jiġi mill-kamp politiku oppost qalli: Iżda intom x’għamiltu? Intom tfisser il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. Mela ma sarx xogħol! Twettaq il-proġett tal-‘promenade’ mill-Bajja s-Sabiħa sal-bajja ta’ San Ġorġ. Kienet mibnija mill-ġdid is-sistema tad-drenaġġ b’mini, ‘pumping station’ ġdida u ‘rising main’ ġdid.
Saru żewġ ‘car parks’ f’San Ġorġ u ħdejn Għar Dalam. Inbniet it-triq mill-ġdid minn ħdejn il-Freeport li mbagħad ingħaqdet mat-triq ta’ Ħal Far. Inbnew il-ġonna ta’ Misraħ l-Indipendenza u ta’ wara l-knisja. Issaħħet id-distribuzzjoni tal-elettriku u l-ilma. Diversi toroq ingħataw it-tarmak.
Lura fl-istorja
F’Birżebbuġa matul is-snin inbnew l-installazzjonijiet kollha taż-żejt u l-gass. Fl-1920 il-kumpannija Shell inawgurat l-ewwel installazzjoni ta’ tankijiet għall-ħażna taż-żjut. Sena wara beda jintuża l-moll twil 150 metru li miegħu kienu jorbtu t-tankers biex iħottu ż-żejt.
Fl-1959 l-impjant tal-gass kien ittrasferit mill-Marsa għal Birżebbuġa. Dawn tqegħdu ħdejn it-tankijiet taż-żejt ta’ San Luċjan. Wara li Malta saret indipendenti u bit-tluq tas-Servizzi Militari Ingliżi minn Malta l-ħażna taż-żejt għaddiet f’idejn il-Gvern Malti.
L-Ingliżi ħallew ukoll l-istallazzjoni f’Ħas-Saptan fejn iktar tard ġew trasferiti l-ħażniet li kien jinżammu f’Birżebbuġa. It-‘terminal’ tal-gass kien trasferit ukoll minn Birżebbuġa għal post max-xatt qrib il-Freeport.
Hekk Birżebbuġa wara mitt sena ċentru għall-ħażna taż-żejt u l-gass ġiet meħlusa minnhom bi spazji kbar ta’ fejn kienu jgħaddu f’idejn il-Gvern jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt il-Gvern.
Huwa għalhekk li l-poplu ta’ Birżebbuġa ħadha bi kbira li l-art tal-eks impjant tal-gass fil-Qajjenza minflok ma tingħata lill-pubbliku wara 65 sena ta’ inkonvenjent issa se tinbena.
Ma ninsewx li l-Partit Laburista fil-programm elettorali tiegħu tal-2019 wiegħed Dar tal-Anzjani f’Birżebbuġa. Rokna mill-art fejn kien hemm l-istallazzjoni tal-gass kienet tkun ideali għal dar bħal din. Lanqas irridu ninsew li Project Green għandu għad-dispożizzjoni tiegħu 700 miljun ewro. Birżebbuġa kulma ħadet s’issa kien biċċa ġnien faċċata ta’ Għar Dalam u riġenerazzjoni tal-ġnien f’Misraħ l-Indipendenza li sewa man-nofs miljun biex saritlu manutenzjoni u kien irranġat!
Dak il-ġnien, flimkien mal-ġnien u l-‘parking area’ wara l-knisja kienu inbnew minn Gvern Nazzjonalista. Kif inbena wkoll il-ġnien il-Kunsill tal-Ewropa f’‘Tal-Papa’. U kien iċċangjat z-zuntier tal-knisja!
Is-Siċċa
Il-proġett b’investiment ta’ 40 miljun ewro magħruf bħala Is-Siċċa, disinjat mill-kumpanija rinomata ta’ arkitetti Pininfarina, li kellu jieħu post it-tankijiet taż-żejt tal-Qajjenza mhux se jsir mil-lum għall-għada għaliex l-ewwel iridu jiġu dekomissjonati t-tankijiet, li suppost kellhom jitneħħew sal-aħħar tas-sena l-oħra u mbagħad ikun irid jitwettaq proċess biex il-post jiġi dekontaminat. Nafu kemm proċess bħal dan jieħu żmien!
Dan ifisser, li jekk xi darba jara d-dawl tal-ġurnata, dan il-proġett irid snin biex jitwettaq. Ma ninsewx li anki fejn kien hemm it-tankijiet magħrufa bħala tax-Shell, il-post ilu li għadda f’idejn il-Gvern. Ilna nisimgħu li se jinbidel fi proġett li jgawdi minnu l-poplu. Wara ħafna snin mhux żgur jekk kienx dekontaminat.
Anki hemm irridu naraw x’se jagħmel minn dik l-art il-Gvern, jekk hux se jgħaddiha lill-iżviluppaturi biex jibnewha u jagħmlu kemxa miljuni minnha jew bis-serjetà tgħaddi bħala post fejn il-poplu ta’ Birżebbuġa jkun jista’ jikkrea ruħhu u jkollu fejn iqatta’ l-ħin liberu tiegħu.
Il-promenade ta’ Birżebbuġa
Il-Prim Ministru, b’ħafna pompa, dan l-aħħar ħabbar ukoll li l-Gvern kien se jinvesti 12-il miljun ewro biex jirranġa l-‘promenade’. Xogħol li messu jsir b’mod regolari u mhux l-ewwel jitħalla li jitkisser kollox! Dan qiegħed ħdejn il-baħar u allura aktar ikollu bżonn manutenzjoni. Dan huwa l-proġett li jrid l-anqas ħsieb u għalhekk nippretendu li ma jieħux is-snin biex jitwettaq.
Marbut miegħu hemm il-proġett tal-moll li miegħu kienu jorbtu t-tankers. Dwar dan l-ewwel irid isir studju dwar jekk il-kolonni li jżommuh u l-bini tiegħu humiex f’pożizzjoni li jieħdu fuqhom speċi tal-belveder fuq il-baħar. Dan l-istudju s’issa għadu ma sarx. Għalhekk ma nafux kemm dan il-proġett se jiswa u meta se jinbeda.
Lura għall-proġett li se jieħu post il-tankijiet tal-gass, il-Gvern irid jaħseb qabel xejn għall-infrastruttura tal-elettriku u d-drenaġġ. Birżebbuġa diġà mgħobbija żżejjed.
Fit-telgħa ta’ Għar Dalam qed jinbnew blokki ta’ appartamenti. Bl-iżvilupp tal-blokki li huma proposti għall-Qajjenza mhemmx dubju li s-sistema tad-drenaġġ trid tiġi aġġornata. Trid tiġi rinforzata wkoll id-distribuzzjoni tal-elettriku. Il-Gvern irid jaħseb għall-parkeġġ. Bħalissa f’dik is-sit hemm parkeġġ li jintuża minn ħafna nies tal-lokal u minn oħrajn li jmorru jieklu fir-restoranti li hemm viċin.
Darba jinbnew dawn il-blokki ta’ appartamenti u uffiċini x’se jiġri minn dak il-parkeġġ? Se jibqa’ hemm? Jekk se jibqa’ hemm se jkun tal-poplu jew tar-residenti u l-ħaddiema fl-uffiċini li se jinbnew? Jirriżulta wkoll li l-parkeġġi li se jkun hemm bħala parti minn dawn il-blokki għandhom xorti jħallqu ma terz tal-karrozzi li dan il-proġett kollu jkun jirrikjedi. X’se jiġri?
Il-problema li diġà hemm fl-inħawi se tkompli tikber u tiggrava? Xi ħaġa oħra: se jinbnew blokki ta’ uffiċċji. Nafu li diġà hawn provvista żejda ta’ uffiċċji. Diġà l-kirjiet għall-uffiċċji qed jonqsu minħabba ‘oversupply’. Allura jekk hawn uffiċċji iżjed milli hemm bżonn għaliex se jinbnew aktar!
Mhux aħjar li kieku l-Gvern jibni Dar għall-Anzjani u hekk inaqqas mill-1,600 anzjan li ilhom jistennew post fejn jitpoġġew! Mhux aħjar li jkun hemm bini soċjali għall-ħafna nies li qed jistennew post fejn idaħħlu rashom!
Il-Kunsillieri Nazzjonalisti ta’ Birżebbuġa għandhom raġun jibqgħu jopponu l-esplojtazzjoni tal-art tal-eks impjant tal-gass fil-Qajjenza, li bih art pubblika ta’ elfejn metru kwadru se tinbiegħ lil żviluppatur biex tinbena appartamenti.
Għandhom raġun jeħduha bi kbira għax ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali u r-residenti. Dan huwa Gvern li l-Kunsilli jagħtihom il-ġenb f’kollox. Qatt ma stmahom u dejjem għamel dak li ried hu.
Il-Prim Ministru meta tkellem dwar ir-riġenerazzjoni tal-‘promenade’ ta’ Birżebbuġa qal li l-Gvern kien qed jinvesti fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti. S’issa ma nvesta xejn. S’issa biss kliem u avviżi. Issa jispiċċa jimla l-faċċata ta’ fejn kien l-impjant tal-gass b’kartelluni li juru x’se jsir.
Kif kien għamel mal-ħajt ta’ barra tal-impjant tax-Shell. Fejn s’issa wara snin magħluq ma sar xejn. Propaganda u ħela ta’ flus il-poplu li jistgħu jintefqu aħjar biex verament ir-residenti ta’ Birżebbuġa jgħixu aħjar.