Lokali

Sentenza sospiża għal Ċiniża li kienet tuża’ ‘massage parlour’ għall-prostituzzjoni

Ċiniża ta’ 43 sena ġiet ikkundannata sena ħabs sospiżi għal tliet snin u mmultata ta’ €250 wara nstabet ħatja mill-Maġistrat Rachel Montebllo li ppermettiet massage parlour f’Ħal Balzan jintuża għal skop ta’ prostituzzjoni. Hija iżda ma nstabitx ħatja ta’ traffikar uman.

Han Lin kienet tmexxi l-Honey Girl Beauty Spa, f’Ħal Balzan, li kien joffri servizzi ta ‘massaġġi’ u servizzi oħra relatati mas-sess bi ħlas addizzjonali. Il-Pulizija tkellmu ma’ kważi 200 klijent bħala parti mill-investigazzjoni.

Lin, kient mixlija mill-Assistent Kummissarju Louise Calleja li fit-3 ta’ Frar li għadda, u fix-xhur ta qabel, ittraffikat tliet nisa Ċiniżi għal skop ta’ prostituzzjoni, li ppermettiet il-massage parlour ‘Honey Girl’ f’Ħal Balzan biex jintuża għal skop ta’ prostituzzjoni u li għexet minn fuq il-prostituzzjoni.

Il-mara kienet diġà tressqet fil-Qorti fejn fl-2020 instabet ħatja u ġiet ikkundannata ħames snin ħabs, imma fl-2022 il-każ kien dikjarat null wara li rriżulta li ma ġietx mistoqsija kinitx toġġezzjona jew le li l-każ jinstema’ quddiem Maġistrat flok tgħaddi ġuri.

Tliet nisa kienu xehdu kif ġew Malta mingħalihom se jagħtu l-massaġġi madankollu spiċċaw jagħmlu favuri sesswali u parti mill-flus li kienu jħallsu l-klijenti kienu jgħadduhom lil Han Lin. Xehdu wkoll pulizija li wettqu r-rejd li fih ġew arrestati t-tliet nisa fejn qalu li sabu lill-akkużata fil-ħanut u meta qalulha tqum minn bilqiegħda waqgħulha numru ta’ kondoms mil-libsa.

Il-pulizija xehdu li t-tliet nisa kienu lebsin ħwejjeġ skullati u waqt tfittxija fil-karozza tal-akkużata nstab ammont kbir ta’ kondoms. Xehed ukoll raġel li kien fil-massage parlour waqt li sar ir-rejd fejn ammetta li ħallas flus lil waħda min-nisa Ċiniżi imma laħqu daħlu l-pulizija.

Lin xehdet li hija kienet taħdem bħala receptionist fil-massage parlour u qalet li xogħolha kien li tagħmel l-appuntamenti mal-klijenti, madankollu insistiet li dan għal massaġġi u ċaħdet li għal favuri sesswali. Wara li semgħet il-provi, il-Maġistrat Montebello sabet lill-akkużata ħatja li ppermettiet massage parlour jintuża għal skop ta’ burdell madankollu ma sabithiex ħatja ta’ traffikar uman.

Qalet li l-evidenza turi li l-akkużata kienet involuta fit-tmexxija tal-ħanut għal skop ta’ sess u kellha ċertu kontroll fuq ħajjet it-tliet nisa Ċiniżi, inkluż ħlas u ikel. Kien għalhekk li ngħatat sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal 3 snin u multa ta’ €250, u ordnat li tiġi kanċellata l-liċenzja tal-massage parlour, ordnat il-konfiska ta’ €24,600 u ħarġet ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin favur it-tliet nisa Ċiniżi.