Lokali Qorti

Sewwieq ta’ vann mhux ħati ta’ qtil involontajru ta’ anzjan li kien jgħix San Vinċenz

Sewwieq ta’ vann mill-Imqabba ma nstabx ħati tal-qtil involontarju ta’ anzjan li kien jgħix San Vinċenz de Paul wara li fil-Qorti rriżulta li dan qabad u qasam fi triq mudlama viċin l-imsemmija dar tal-anzjani. John Farrugia, ta’ 64 sena, kien qed jiġi akkużat li fid-29 ta’ Marzu 2017, għall-ħabta tas-6.15pm, fi Triq l-Ingiered, ikkaġuna l-mewt ta’ Paul Consiglio.

Fil-ħin tal-inċident il-vittma ta’ 71 sena minn Tas-Sliema kien qed jaqsam fid-direzzjoni tar-Residenza San Vinċenz de Paul fejn kien jgħix bl-espert tal-Qorti, Dr Mario Buttigieg, jgħid fil-Qorti li dakinhar it-temp kien bix-xita, it-triq kienet imxarrba waqt li l-viżibbiltà kienet waħda limitata.

Tenna wkoll kif ftit bogħod minn fejn seħħ l-inċident, kien hemm ‘pedestrian crossing’ u li s-sewwieq kien qed isuq bl-44 kilometru fis-siegħa b’vettura tat-tip Toyota Hilux. It-tabib Michael Spiteri xehed li meta mar fuq il-post sab li l-vittma kien diġà mejjet waqt li l-infermier Charlton Caruana xehed li l-vittma kien mejjet mal-art u saru jafu li kien joqgħod San Vinċenz.

Xhud importanti kienet Nicole Marie Galea Ghigo li kienet qed issuq wara l-vann misjuq mill-akkużat fejn qalet li f’daqqa waħda ħarġet persuna minn fuq bus stop u l-vann laqtu waqt li żiedet li l-anzjan ma kienx qed jiċċaqlaq waqt li x-xufier deher ferm ippanikkjat.

Wara li semgħet dawn il-provi, il-Maġistrat Astrid May Grima ddeskriviet dan l-inċident bħala wieħed “sfortunat” fejn il-vittma kien għaddej minn triq pjuttost mudlama. Qalet li mix-xhieda rriżulta li l-vittma qabad u ħareġ fit-triq u b’hekk intlaqat mill-vann u sostniet li għalhekk ma jistax jingħad li x-xufier kien traskurat fis-sewqan jew li kien qed isuq b’veloċità eċċessiva.

Il-Qorti kkonkludiet li l-inċident seħħ minħabba l-imprudenza tal-vittma li ħoloq sitwazzjoni imprevedibbli għas-sewwieq tal-karozza u għal din ir-raġuni illiberat lil Farrugia mill-akkuża ta’ qtil involontarju.