Lokali

Xahrejn ħabs wara li seraq fliexken tax-xorb

Raġel ta’ 50 sena mis-Sudan u mingħajr residenza fissa, ġie kkundannat xahrejn ħabs wara li seraq minn ħanut fil-Belt Valletta. Sadik Hamad Mahamad ġie akkużat li fl-4 ta’ Frar li għadda fi Triq ir-Repubblika, seraq xi fliexken tal-alkoħol minn ħanut.

Huwa ġie akkużat ukoll li l-għada, reġa’ kkommetta serq ta’ fliexken tal-alkoħol mill-istess ħanut, kif ukoll li naqas li jobdi l-ordnijiet leġittimi mogħtija lilu minn żewġ puliżija u li għex ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ.

L-akkużat ammetta li hu ħati għall-akkużi kollha miġjubin kontrih. Il-Qorti kkunsidrat in-natura tar-reati involuti, il-kondotta tal-akkużat, u li l-akkużat iddikjara li hu ħati fi stadju bikri tal-proċeduri. Il-Qorti kkunsidrat l-fatt ukoll li s-serq ma kienx wieħed ta’ valur għoli.

Il-ħati ġie ordnat iħallas €33.30 lis-sid fi żmien erba’ xhur u ntrabat b’multa ta’ €7,000 biex ma javviċinax is-sid għal perjodu ta’ tliet snin. Jekk huwa jagħmel dan irid iħallas is-somma u fin-nuqqas ta’ dan jagħmilhom ħabs.

Il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil ippresediet il-każ. L-Ispettur Elisia Scicluna mexxiet il-Prosekuzzjoni.