Illum il-Koalizzjoni għal Għawdex, flimkien mal-Moviment Graffitti u Din l-Art Ħelwa, wettqu azzjoni diretta bil-għan li jixħtu dawl fuq it-theddida imminenti għall-Forti Chambray minħabba n-nuqqas ta’ riforma fil-liġi tal-appelli fl-ippjanar.
L-għaqdiet saħqu li, grazzi għall-kontribut finanzjarju tal-poplu, huma għadhom kif ippreżentaw żewġ appelli kontra l-permessi irregolari li ħarġet l-Awtorità tal-Ippjanar. Huma għamlu wkoll talba għas-sospensjoni tax-xogħlijiet waqt li jkun għaddej l-appell. Iżda sforz il-liġi difettuża tal-appelli — li għadha ma ġietx riformata minkejja l-wegħdi tal-Prim Mnistru — it-Tribunal tal-Ippjanar (EPRT) jista’ jirrifjuta din it-talba. F’dan il-każ, il-konsegwenza se tkun li l-Barracks tal-Ingliżi jitkissru, u jibda l-iżvilupp fil-Forti Chambray sakemm ikun għaddej l-appell.
Din l-anomalija fil-liġi — li baqgħet ma tneħħietx minħabba li hemm interessi b’saħħithom li ma jridux ir-riforma — qed twassal għal inġustizzji kbar. Kien hemm bosta każijiet ta’ approvazzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar ta’ żviluppi sfaċċatament illegali, li iżda tħallew jinbnew waqt li kien qed jinstema’ appell, bil-konsegwenza li mbagħad l-istess permessi ġew imħassra mill-Qorti. Dan wassal għal proliferazzjoni ta’ żviluppi li jiġu ddikjarati illegali mill-Qorti iżda jkunu diġà laħqu nbnew.
L-azzjoni diretta tal-lum enfasizzat ir-riskju li din l-assurdità terġa’ tirrepeti ruħha fil-każ tal-Forti Chambray.
Waqt id-diskors tagħhom quddiem il-Barracks storiċi tal-Ingliżi, l-għaqdiet saħqu li ż-żewġ permessi maħruġa għall-iżvilupp tal-Forti Chambray huma kkaratterizzati minn diversi ksur ta’ politiki tal-ippjanar. Fosthom, hemm il-ksur tad-Development Brief u irregolaritajiet evidenti fil-proċess tal-ippjanar. Saħqu wkoll li huma għamlu diversi talbiet għall-iskedar tal-binja storika tal-barracks, iżda dawn dejjem ġew injorati. Riċentament, il-Koalizzjoni għal Għawdex ippreżentat Talba għal Ordni ta’ Konservazzjoni ta’ Emerġenza għall-Barracks tal-Ingliżi, li ġabret fuq 800 firma, fosthom l-appoġġ tal-Kunsill Lokali t’Għajnsielem, 25 NGO, u bosta akkademiċi u politiċi prominenti.
Dawn l-isforzi kollha biex jiġi salvat il-wirt storiku li jinsab fil-Forti Chambray, iżda, jafu kollha jisfgħu fix-xejn. Jekk it-Tribunal tal-Ippjanar mhux se jilqa’ t-talba għas-sospensjoni tax-xogħlijiet, illum jaf se tkun l-aħħar darba li naraw dan il-wirt storiku. Jekk ir-riforma fil-liġi tal-appelli se tibqa’ ma sseħħx, allura l-isforzi kollha mis-soċjetà ċivili kontra s-sistema inġusta tal-ippjanar se jibqgħu jiġu ridotti fix-xejn
Il-każ tal-Forti Chambray, saħqu l-għaqdiet, huwa eżempju ċar ta’ kif il-Gvern qed jibqa’ jagħti prijorità lil interessi b’saħħithom li jridu saħansitra jkissru l-wirt storiku tagħna biex jagħmlu profitti kbar. Il-Gvern qed jaqbel li jħallas l-ispejjeż għax-xogħlijiet ta’ konsolidazzjoni tal-art, għar-restawr u għall-manutenzjoni tas-swar biex igawdi minnhom il-privat — dan kollu mit-taxxi tal-poplu. Dan huwa proġett li ma jagħti xejn lura lill-poplu: l-aħħar kuntratt li għadda fil-Parlament f’Ġunju 2024 bl-ebda mod ma jassigura l-aċċess pubbliku, u kollox jindika li l-unika skop ta’ dan il-proġett huwa li jiġu mmassimizzati l-profitti privati permezz ta’ żvilupp ta’ kumpless massiċċ residenzjali u kummerċjali
L-għaqdiet tennew is-sejħa tagħhom għar-riforma immedjata fil-liġi tal-appelli sabiex id-dritt tal-poplu li jiġġieled kontra l-illegalitajiet jiġi tassew imħares u ma tibqax tiġi imminata s-saltna tad-dritt. Huma spiċċaw l-azzjoni diretta fil-Forti Chambray billi wissew li jekk it-talba għas-sospensjoni tax-xogħlijiet ma tiġix milqugħa, huma lesti li jieħdu azzjonijiet diretti sabiex iwaqqfu t-tkissir ta’ wirt il-poplu.
Il-pulizija ġew fuq il-post wara li kienu msejħa mis-security tal-gated community, u ħadu d-dettalji ta’ xi attivist qabel ma telqu mill-Forti Chambray.
//= $special ?>