Mużika

Cristicchi u Giorgia huma l-aktar favoriti li jirbħu Sanremo

Il-kantant Simone Cristicchi u l-bravissima Giorgia qed jitpoġġew bħala l-aktar favoriti għar-rebħ tal-festival ta’ Sanremo ta’ din is-sena – festival li jintemm bil-finali tal-lejla.

Skont il-bookmakers hemm tliet kantanti li qed jidhru l-aktar favoriti. Iżda fuq quddiem nett f’din il-lista jibqa’ Cristicchi, bil-kanzunetta ‘Quando Sarai Piccola‘.

Imbgħad hemm Giorgia u Olly li ukoll huma favoriti fl-edizzjoni ta’ din is-sena.

Ilbieraħ, ġiet preżentata is-serata tal-cover versions illi intrebħet minn Giorgia u Annalisa, li interpretaw ‘Skyfall’ ta’ Adele. Iżda apparti l-mużika mill-isbaħ li ġiet preżentata, kien l-attur Roberto Benigni li seraq ix-xena bil-battuti tiegħu fuq Giorgia Meloni u Donald Trump.

Intant, hemm stennija kbira għal min se jkun ir-rebbieħ ta’ din is-sena. Fuq il-palk se jitwasslu 29 kanzunetta, u s-serata se tinfetaħ mid-dj Gabry Ponte.

Il-kantant veteran Antonello Venditti se jingħata l-Premju għall-kontribut enormi li ta fix-xena mużikali.