Internazzjonali

Il-grupp Hamas jeħles aktar ostaġġi Iżraeljani

Il-grupp terroristiku Hamas ħeles tliet ostaġġi oħrajn bħala parti mill-ftehim li kien intlaħaq għall-waqfien mill-ġlied.

Dan il-pass kien wieħed sinifikanti, għaliex kien hemm biża’ li r-rilaxx tal-ostaġġi ma kienx se jseħħ. U allura, Donald Trump beda jhedded li jaf ikun hemm ritaljazzjoni.

L-aħħar rapporti qed jindikaw li l-ostaġġi Iżraeljani ingħataw f’idejn ir-Red Cross, fejn qegħdin jingħataw il-kura medika fi sptar f’Iżrael.

Biex b’hekk, wara xhur ostaġġi, numru ta’ Iżraeljani reġgħu ngħaqdu mill-ġdid mal-familji tagħhom.

Barra minn hekk, bħala parti mill-waqfien għall-ġlied f’Gaza, bi skambju, Iżrael ħeles 369 priġunier Palestinjan – b’36 minnhom qed jservu sentenza ta’ għomor il-ħabs, filwaqt li l-kumplament tal-priġunieri nżammu arrestati bla ebda raġuni jew akkuża kontrihom.

Il-priġunieri Palestinjani wasslu b’xarabank f’Gaza…. b’erbgħa minnhom jittieħdu l-Isptar minħabba l-qagħda kritika tagħhom.

Dan kien is-sitt ftehim ta’ skambju, fejn issa nħelsu l-akbar ammont ta’ priġunieri mill-bidu ta’ dan il-ftehim.