mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’
Nhar is-Sibt filgħaxija, skont TVM, madwar 385,000 persuna (fosthom eluf kbar minn barra minn pajjiżna) segwew l-avveniment tal-Malta Song biex minnu tingħażel il-kanzunetta rebbieħa li se tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision fl-Iżvizzera.
Ilkoll naqblu, li dan l-avveniment huwa fost l-aktar mistenni mill-Maltin, u minn sena għal sena, mijiet ta’ eluf jinġabru quddiem it-televiżjoni jisimgħu kanzunetta wara l-oħra sakemm tingħażel dik il-waħda li ddoqq l-aktar.
Illum il-ġurnata, bil-mezzi soċjali, il-furur ikun ilu li qabad isaħħan l-irjus (u kultant l-ilsien) minn jiem qabel, biex imbagħad kulħadd isir espert tal-mużika u tal-korjografija. Dan huwa l-ispirtu tal-Malta Song, li ngħixuh minn sena għal oħra, spirtu sinonimu mal-Maltin u tipikament tal-Maltin: poplu sħiħ jgħid tiegħu, min favur kanzunetta u min favur oħra u Malta tilbes il-libsa solita tagħha… minn ‘Kant’ għal ‘Lalaratatakeke, Lalaratakabum’, u minn ‘Għażliet’ għal ‘Heaven’s Sent’, u minn ‘Juno’ għal ‘Lablab (Talk Talk)’ u l-kumplament.
Dan huwa l-avveniment tal-poplu, imma fuq kollox tal-kantanti, l-awturi u l-kompożituri u dawk kollha li b’mod jew ieħor huma involuti fid-dinja tal-mużika.
Nifhmu li Malta, bħala pajjiż limitat biex jagħti pjattaforma lill-artisti tiegħu, il-Malta Song (anki jekk illum għandna l-konkors ‘Mużika Mużika’ huwa l-mezz ewlieni kif jimirħu fuq il-palk quddiem mijiet ta’ eluf ta’ nies u jagħtu spettaklu li jkunu taw ħafna għalih. Kemm hu sabiħ li tara t-talent ta’ tant artisti li jridu jagħtu lura lill-poplu fl-aktar lejl importanti, u kemm huwa sabiħ aktar tarahom jieħdu gost u l-poplu japprezzahom.
Irrid nagħmel kumment personali dwar l-avveniment tal-Malta Song, billi nifraħ lir-rebbieħa u lill-kantanti kollha li ħadu sehem. Għalkemm ma nifhimx daqstant fil-mużika, bħal kulħadd għandi opinjoni u kelli l-kanzunetta favorita tiegħi. Madankollu, dan mhux l-għan wara l-artiklu tiegħu.
Gvern tal-propaganda biss
Permezz ta’ din il-kitba, irrid inwassal il-frustrazzjoni tiegħi u ta’ ħafna għall-mod kif il-Gvern seraq serata bil-propoganda tiegħu f’reklami ma jintemmu qatt, spissi u motivati biss minn intenzjonijiet partiġġjani fl-aktar lejl li jgħaqqad poplu sħiħ lil hinn mill-politika tal-partiti.
Sfortunatament, assistejna għal serata ta’ kanatliena ta’ reklami favur il-Gvern, u dan juri kemm il-Gvern huwa ddisprat biex jimponi fuq il-Maltin l-aġenda tiegħu. Ir-reklami ripetittivi dwar it-‘tax bands’ kienu patetiċi u mhux f’waqthom, bħalma jistgħu jixhdu l-baraxx ta’ kummenti online ta’ ħafna li ħassewhom mitmugħa l-propoganda b’mod sfruzat. Dan juri kemm il-Gvern jinteressah biss minnu nnifsu.
Mhix l-ewwel darba li l-Gvern juża t-TVM biex jieħu vantaġġ mill-fatt li f’idu għandu l-istazzjon tal-Istat, u dan huwa abbuż ta’ poter flaġaranti. It-televiżjoni nazzjonali huwa tal-Maltin u mhux tal-Gvern jew tal-Labour jew tal-magna propogandista minn Kastilja. Aktar minn abbuż ta’ poter, inqis li dan huwa insult lejn il-poplu Malti li ma jinteressahx mill-propoganda tal-Gvern li jrid jimponi tagħrif dotrinat fuq il-poplu anki fl-aktar lejla apolitika li tgawdi Malta. Anke jekk il-politiċi kollha jawguraw lill-kantanti li jkunu ġejjin mil-lokalitajiet tagħhom, u anki jekk l-istess politiċi jifirħu lill-kantanti rebbieħa għax ikunu ġejjin mil-lokalitajiet tagħhom, dan isir bi spirtu nazzjonali aktar minn kollox, għaliex l-ebda rebbieħ jew rebbieħa qatt ma għandha tkun assoċjata ma’ partit politiku jew ieħor.
Imma l-magna tal-propoganda f’Kastilja ma tarax arti, ma tarax sport, ma tarax unità nazzjonali, tara biss Labour, Labour u Labour, u l-kantaliena tar-reklamar qerried li jrid jifred poplu u jżommu ddotrinat bil-politika kuljum, dejjem, u l-ħin kollu.
Dan huwa l-Labour, partit b’mekkaniżmi fini u tattiċi spissi biex bi flus il-poplu, u fuq il-pjattaforma tal-poplu jinseġ il-messaġġi tiegħu għax ma hemm xejn aktar importanti mill-megalomanija tal-propoganda tiegħu stess! M’iniex se nidħol fil-mertu tal-filmati qosra relatati mal-films, għax nemmen li l-films li nħadmu Malta kollha għandhom preġju u valur u jafu jkunu interessanti, imma ninsab urtat, bħall-ħafna mill-poplu għaliex ħasbuna boloh!
Trid tkun vera patetiku, biex tagħmel reklam li fih il-preżentatriċi titolbok tagħmel ‘pause’ biex toqgħod tara t-‘tax bands’ f’serata li għandha tkun, u dejjem hekk għandha tkun, ċelebreazzjoni u festa tal-artisti Maltin. Kieku mqar il-Gvern jiftakar biex jagħmel ‘pause’ mill-kantaliena ta’ propoganda minn fuq dahar il-poplu, kieku pajjiżna jkun aħjar!
Irrid nagħlaq biex nifraħ lill-produzzjoni tal-Malta Song, għaliex ittella’ show mill-isbaħ li ddevrta lill-poplu Malti. Kull kontorversja dwar il-kanzunetta rebbieħa, jien ma nidħolx fiha hawnhekk! hija parti mill-Malta Song li matul is-snin kellu numru interessanti ta’ kontroversji li lkoll għaddew u forsi anki intesew.
Il-kontroversja fil-kanzunetta Kant ta’ Miriana Conte, tgħid qabżet il-linja jew le? Iż-żmien jagħtina parir. Let the Show Begin!