Lokali

Strateġija li jeħtieġ tkun aktar ċara u inklussiva

Il-Partit Nazzjonalista ressaq disa’ suġġerimenti bl-għan li l-istrateġija nazzjonali tas-saħħa sesswali tkun aħjar u tkun waħda li  tħarres ’il quddiem.

Wara l-kummenti insensittivi min-naħa tal-Gvern ta’ Robert Abela dwar din it-tema tant importanti, Net News tkellem max-Shadow Minister, Graziella Attard Previ li spjegatilna kemm il-Partit Nazzjonalista qed ikun proattiv.

Attard  Previ spjegatilna l-importanza li anke l-Gvern jeħtieġ li jkun proattiv u għalhekk għandu jikkunsidra miżuri li għandhom possibbiltà ta’ suċċess. Dan apparti li jeħtieġ li jkun strumentali fil-qasam tal-mard sesswali bħalma hija l-mediċina Doxy PEP u Doxy Prep.

Ix-Shadow Minister qalet li din l-istrateġija jeħtieġ li tkun waħda ċara u fuq kollox inklussiva.

Din l-istrateġija, li qed tasal 15-il sena wara li kienet ippublikata l-aħħar starteġija, hija waħda li tonqos milli tkun speċifika u tiddikjara kif se jiġu implimentati u mkejla ċertu miżuri.

Fost l-oħrajn, il-Partit Nazzjonalista ssuġġerixxa wkoll li jiġu indirizzati aktar fatturi, bħall-edukazzjoni sesswali  f’Malta, il-persuni LGBTIQ+ u r-rwol tal-media diġitali, kif ukoll li tiġi  indirizzata l-istigma u  t-tabu marbuta mas-sess u l-prattiċi sesswali li  jżommu lura  lin-nies milli jfittxu l-għajnuna u l-kura.

Ix-Shadow Minister kompliet tgħid li l-mudelli tal-Olanda u tal-Fillandja għandhom jiġu kkunsidrati, speċjalment fejn tidħol id-diskriminazzjoni. Dan filwaqt li ssuġġeriet ukoll biex l-implimentazzjoni tal-providiment ta’ kontraċettivi b’xejn għal kulħadd ma ddumx ma tiġi implimentata sabiex tassew jilħaq lil kulħadd kemm jista’ malajr.