Lokali

“Aħna qegħdin hemm għalik, aħna kkonċentrati biex ngħinu lilek” – Bernard Grech

“Qalbna dejjem man-nies, għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista se jiġġieled l-għoli tal-ħajja”.

Spjega dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista meta indirizza djalogu soċjali il-Ħadd filgħodu fl-Inspire, f’Wied il-Għajn. Hu spjega li ma nistgħux inħarsu n-naħa l-oħra meta nisimgħu u ngħixu realtà ta’ nies li ma jistgħux jgħaddu minn xahar għall-ieħor.

Din ir-realtà qed tkun waħda li dejjem qed tiżdied, anke bid-deċiżjonijiet li qed jieħu Gvern Laburista. Hekk kif spjega li ż-żieda fil-COLA, qed tintrefa’ mill-employers u għalhekk qed ikunu sfurzati jixħtu din iż-żieda fuq il-konsumaturi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li minħabba dawn id-deċiżjonijiet li qed jieħu l-Gvern, in-negozji qed ikunu sfurzati jgħollu l-prezzijiet tagħhom sabiex jaqilgħu l-għejxien tagħhom… piż li qed ikollu jinxteħet fuq il-konsumatur.

Kien fid-dawl ta’ dan kollu li spjega li kien il-Partit Nazzjonalista li ppreżenta numru ta’ soluzzjonijiet li qablu magħhom ukoll l-imsieħba soċjali sabiex itaffi dan il-piż… iżda l-Gvern Laburista ma aċċettax dawn is-soluzzjonijiet.

Intant, Bernard Grech spjega kif il-politika tal-Partit Nazzjonalista ssir man-nies. Hekk kif spjega li l-politika tiegħu qed issir mal-anzjani, man-negozji u mal-imprendituri, mal-ġenituri u l-familji Maltin u Għawdxin u mal-imsieħba soċjali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li jekk il-poplu jrid is-soluzzjonijiet irid jafda lill-Partit Nazzjonalista, għaliex huwa biss Gvern ġdid Nazzjonalista li jisma’ lill-poplu u joffri s-soluzzjonijiet kif għamel fil-mozzjoni li ressaq sabiex jiġġieled il-piż tal-għoli tal-ħajja.

Matul il-ġurnata tal-Ħamis li għadda, il-Partit Nazzjonalista ressaq numru ta’ proposti sabiex jiġġieled l-għoli tal-ħajja fosthom it-tneħħija tat-taxxa għall-ħaddiema u pensjonanti fuq kull żieda li tingħata fil-pagi u l-pensjonijiet għall-għoli tal-ħajja; allowances ġodda għall-pensjonanti; tax credits għal min iħaddem fuq kull żieda li tingħata lill-ħaddiema; u l-ħolqien ta’ fond nazzjonali biex jingħata appoġġ finanzjarju lill-operaturi Maltin li jimpurtaw u jesportaw ħalli jitnaqqsu l-ispejjeż li qed iwasslu għall-għoli tal-ħajja.