“Tkomplix tigdeb u ieqaf ipproteġi lil dawk li abbużaw mill-poter“
Kienet din l-għajta prinċipali tal-folla li nġabret fi-Belt Valletta tipprotesta kontra l-imġiba tal-Gvern filwaqt li fakkret il-memorja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Il-President tal-għaqda Repubblika, Vicky Ann Cremona, appellat lil Robert Abela sabiex jieqaf jigdeb. Fejn spjegat li Abela qed ineħħi d-dritt liċ-ċittadini li jsaqsu għall-inkjesti maġisterjali meta jaraw kriminalitajiet serji… filwaqt li tenniet li s-soċjetà ċivili u l-poplu se jkunu qed ikompli jiġġieldu dawn l-inġustizzji.
Minn naħa tiegħu, l-istudent u attivist Andrew Drago, spjega li bil-liġi li qed iressaq il-Gvern ta’ Abela qed jilleġiżla l-impunità. B’Andrew Drago jappella li dan mhux mument li nibżgħu għaliex pajjiżna għandu bżonna.

Louiselle Vassallo stqarret li Robert Abela għaġġel biex daħħal din il-liġi li tnaqqas mid-dritt tal-poplu… filwaqt li jgħaġġel biex jeħodha kontra l-opinjoni li ma taqbilx lilu, fosthom anke ġrunalisti. Iżda jagħżel li jisparixxi fejn jaqbillu.
Intant, l-avukat Jason Azzopardi spjega li kienu bosta inkjesti maġisterjali li wasslu għall-proċeduri kriminali li tant kien hemm bżonn. Hekk kif tenna li pajjiżna jinsab fix-xifer.

Minn naħa tiegħu l-Uffiċjal Eżekuttiv ta’ Repubblika Manuel Delia rringrazzja lil dawk kollha li kellhom sehem fil-ġid ta’ pajjiżna. Fejn appella lil kulħadd sabiex jifrex it-tama… filwaqt li tenna li l-Gvern mhux ħa joħdilna d-drittijiet mingħajr konsegwenza.
Il-protesta msejħa mill-għaqda Repubblika, bdiet b’mixja fi triq ir-Repubblika, bil-qofol jintlaħaq b’velja quddiem il-Qorti f’għeluq is-7 snin u 4 xhur mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Jattendu għal protesta kien hemm diversi Deputati Parlamentari Nazzjonalisti, flimkien ma’ numru ta’ persuni minn għaqdiet varji u studenti li lkoll kemm huma ngħaqdu f’għajta u appell wieħed – dak biex il-Prim Ministru jisma’ u jħares l-interessi tal-poplu u mhux ta’ sħabu tal-qalba.
