Lokali

Il-kunċert “Masters of Melody” ser jittella’ nhar is-Sibt 15 ta’ Marzu

‘Masters of Melody’ huwa kunċert li ser jitella’ nhar is-Sibt 15 ta’ Marzu, mill-Banda Konti Ruġġieru, fuq is-swar De Redin, fl-Imdina. Id-dettalji dwar dan il-kunċert ingħataw f’konferenza tal-aħbarijiet fis-Sede tas-Soċjetà San Pawl Banda Konti Ruġġieru, fir-Rabat. Fil-fatt intqal li dan il-kunċert se jkun wieħed innovattiv u differenti minn kunċerti oħra tradizzjonali, għax se jinkorpora fih żfin u kif ukoll proġezzjonijiet multidimensjonali fuq is-swar tal-Imdina.

Il-konferenza kienet indirizzata mill-President tas-Soċjetà Antoine Borg, id-Direttur Artistiku tal-Kunċert Alan Fenech, l-Assistent Surmast tal-Banda Mark Vella, flimkien ma’ Joseph Bugeja u Noel Camilleri mill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.

Id-Direttur Artistiku Alan Fenech spjega kif dan il-kunċert se jkun wieħed imżewwaq għax se jgħaqqad il-mużika tal-banda maż-żfin u l-proġezzjonijiet fl-isfond tal-belt l-antika tal-Imdina u l-Katidral. Spjega li se jinkludi fih numru ta’ artisti li flimkien se jagħtu ħajja lil siltiet mużikali antiki li l-Banda Konti Ruġġieru għandha fl-arkivji tagħha, fejn dak li jkun apparti li se jkun qed jismagħhom se jkun qed jara wkoll il-viżwal marbuta magħhom.

L-Assistent Surmast Mark Vella spjega li s-siltiet magħżula se jagħtu ġieħ lis-Surmastijiet li kellha din is-Soċjetà fosthom Vincenzo Ciappara u l-Professur Joseph Vella, li llum ma għadhomx magħna. Iżda qal li fost is-siltiet mużikali hemm ukoll dawk ta’ Surmastijiet aktar riċenti li din il-banda kellha u bandisti li għad għandha. Spjega li minħabba hekk intgħażel l-islogan ‘jgħaqqad il-passat mal-futur’.

L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Baned, permezz ta’ Noel Camilleri u Joseph Bugeja, qalu li dan il-kunċert hu parti minn sensiela ta’ kunċerti li se jitgħellu matul din is-sena u li għandhom l-għan li jagħtu l-ħajja lil siltiet mużikali li ma għadhomx jindaqqu, iżda fl-istess ħin jagħtu ġieħ lil Kompożituri u Mużiċisti Maltinu Għawdxin. Żiedu jinnuttaw b’sodisfazzjoni li l-Banda Konti Ruġġieru għażlet li tmur oltre u żżewwaq il-mużika mal-arti viżiva.

Il-President tas-Soċjetà Antoine Borg qal li dan il-kunċert se jitella’ bil-kollaborazzjoni tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Kunsill Malti għall-Arti, il-Kapitlu Metropolitan tal-Imdina u l-Għaqda Każini
tal-Baned. Huwa rringrazzja lill-artisti u mużiċisti kollha, li qed jaħdmu taħt id-direzzjoni ta’ Mark Vella u Alan Fenech, li bħalissa għaddejjin bil-provi sabiex nhar is-Sibt 15 ta’ Marzu jagħtu wirja mill-isbaħ lil dawk kollha li se jattendu.

Il-biljetti għal dan il-kunċert jistgħu jinxtraw, minn fuq is-sit www.showshappening.com għal prezz ta’
€10 sal-Ħamis 13 ta’ Marzu 2025. F’każ ta’ maltemp il-kunċert se jkun qed isir f’data oħra f’April.