Lokali

“Il-PN qed juri bil-provi li l-familji huma fiċ-ċentru tal-politika tiegħu” – Ludwig Cauchi

Ritratt: Martin Agius

“Hawn persuni li qed jiċċaħdu mill-familja tagħhom sabiex ilaħħqu mal-ħajja”.

Kien dan li stqarr Ludwig Cauchi, kandidat ġdid tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, meta indirizza d-djalogu li sar il-Ħadd mill-Partit Nazzjonalista fiċ-ċentru tal-Inspire, f’Wied il-Għajn, fejn spjega kif hawn ġenituri, persuni, li qed jiċċaħdu mill-familja, it-tfal tagħhom sabiex ilaħħqu mal-piż li dejjem qed jiżdied minħabba l-għoli tal-ħajja.

Huwa spjega li l-Partit Nazzjonalista, flimkien ma’ numru ta’ għaqdiet u msieħba soċjali oħra, ilu snin twal jipproponi numru ta’ inizjattivi li għandhom jiġu implimentati mill-Gvern sabiex itaffu l-piż tal-għoli tal-ħajja minn fuq l-anzjani, ġenituri u żgħażagħ tagħna.

Ludwig Cauchi tenna kemm huwa importanti li t-tfal tagħna jkollhom persuni li jgħinuhom jikbru, u jikkumbattu d-diffikultajiet tal-ħajja. Iżda dan mhux dejjem possibbli, għaliex il-ġenituri u l-familji Maltin u Għawdxin qed ikunu sfurzati jaħdmu aktar minn xogħol wieħed sabiex ilaħħqu mal-ħajja.

Huwa spjega li l-mozzjoni li tressqet matul l-aħħar ġimgħa mill-Partit Nazzjonalista, turi kemm il-familji huma verament fiċ-ċentru tal-politika tiegħu.