Lokali

Iriduhom jitilqu minn post li ilu jintuża 40 sena għall-festa

Kontroversja kbira faqqgħet fil-Marsa hekk kif Patri Ivan Scicluna, fil-kariga tiegħu bħala Ministru Provinċjali tal-Franġiskani Kappuċini, talab lill-membri tal-Għaqda Festi Esterni sabiex jitilqu mis-sala li jużaw għall-armar. Dan għamlu permezz ta’ ittra ġudizzjarja li intbagħtet lilhom fl-aħħar ġimgħat.

Dan il-post għal dawn l-aħħar 40 sena dejjem intuża sabiex jinżamm l-armar tal-festa tas-Santissima Trinità… b’kollabroazzjoni mal-parroċċa mmexxija mill-istess Aħwa Minuri Franġiskani Kappuċċini.

Minbarra dan, l-għaqda dejjem ħadet ħsieb il-manutenzjoni meħtieġa tas-sala; xogħol li kien u għadu jsir b’ħafna sagrifiċċji mingħandhom.

Fi stqarrija, l-Għaqda qalet li jekk il-patrijiet se jibqgħu jinsistu li jitilqu mill-post, mhux biss se jimminaw iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa fil-Marsa iżda se jġiegħlu lill-għaqda tiddisponi mill-armar storiku li għandhom – armar li nħoloq minn volontarjat, minn fondi miġbura mill-poplu Marsi u l-membri tal-għaqda.

Għalhekk, l-Għaqda Festi Esterni qed titlob l-għajnuna tal-poplu Marsi, u appellat lil Scicluna biex jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu għall-ġid tal-festa tas-Santissima Trinità u tal-poplu tal-Marsa.