Internazzjonali

Iżrael: ‘F’pass wieħed mal-Istati Uniti’ rigward il-futur ta’ Gaza

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qal li jinsab impenjat għal ‘kooperazzjoni sħiħa’ mal-Istati Uniti biex huma jwasslu għal ‘strateġija komuni’ rigward il-Medda ta’ Gaza.

Stqarrija li ħarġet dritt wara taħditiet f’Iżrael, bejn Netanyahu u s-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio.

Intant, Benjamin Netanyahu faħħar il-viżjoni tal-President Amerikan Donald Trump għal Gaza waqt li żvela li hu u Rubio ddiskutew il-metodi u strateġiji biex jaċċertaw li ‘l-futur (ta’ Gaza) jsir realtà’.

Dan minkejja li l-Palestinjani u l-pajjiżi Għarab mhumiex jaċċettaw il-pjan ta’ Trump biex l-Istati Uniti tieħu l-kontroll ta’ Gaza u tmexxi programm ta’ rilokazzjoni għar-residenti.

Rubio qal li filwaqt li l-pjan inkwistjoni ‘xxokkja lin-nies’, Donald Trump ħaqqu kull tifħir ‘għall-kuraġġ li wera biex jipproponi altenattiva għall-‘ideat għajjenin tal-passat’ fir-rigward ta’ Gaza.

Marco Rubio qed iżur lil Iżrael fl-ewwel ‘tour’ tal-Lvant Nofsani bħala d-diplomatiku ewlieni tal-Istati Uniti. Hu anki, fil-jiem li ġejjin, se jiltaqa’ mal-uffiċjali tar-Russja fl-Arabja Sawdija biex, flimkien, jiddiskutu l-possibbiltajiet għat-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna.