Żagħżugħ ta’ 26 sena mill-Gambja nżamm arrestat wara li tressaq quddiem il-Maġistrat Abigial Critien b’akkużi relatati mat-traffikar tad-drogi, f’Paceville.
Iż-żagħżugħ Camara Sambou kien mixli li fl-14 ta’ Frar ittraffika l-kannabis u l-kokaina, li kellu fil-pussess tiegħu dawn id-drogi f’ċirkostanzi li wrew li ma kenux għall-użu tiegħu biss, u li wettaq dan ir-reat f’distanza ta’ 100 metru minn fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ.
Kien akkużat ukoll fost oħrajn li rreżista l-arrest, b’konsegwenza li wieħed mill-pulizija sofra ġrieħi ħfief.
Il-każ seħħ tard il-Ġimgħa filgħaxija, waqt li żewġ kuntistabbli kienu fuq ronda fi Triq Santu Wistin… u lemħu raġel jitlajja quddiem stabbiliment.
Hekk kif avviċinawh, huwa deher jarmi pakkett taħt vettura. Fil-pakkett instabu qratas ta’ sustanza suspettata droga kokaina u kannabis, allegatament lesti biex jiġu ttraffikati.
Quddiem il-Maġistrat Abigial Critien huwa wieġeb mhux ħati, iżda d-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk baqa’ miżmum taħt arrest.
//= $special ?>