L-awtoritajiet Awstrijaċi huma konvinti li attakk qattiel għall-għarrieda fi tmiem il-ġimgħa, twettaq minn terrorista tal-ISIS u meta huma, bħalissa, qed iżommu lil Sirjan – suspettat bħala l-aggressur – li qed jgħin fl-istħarriġ tagħhom.
Is-suspettat kien ħebb għan-nies li nzertaw quddiemu waqt li kien għaddej mill-pjazza ta’ Villach, belt viċin il-fruntiera tal-Awstrija mal-Italja u s-Slovenja. Intant, hu qatel tifel ta’ 14-il sena b’daqqiet ta’ sikkina waqt li darab tal-anqas ħames persuni sakemm spiċċa mrażżan u arrestat fuq il-post. Mifhum ukoll li l-aggressur kien mar l-Awstrija biex jingħata l-kenn politiku.
L-awtoritajiet issa kkonfermaw li l-attakk ibbaża fuq ‘ideoloġija reliġjuża radikali’. Il-Ministru Awstrijak għall-Intern, Gerhard Karner, żvela li l-Pulizija li fittxew fl-appartament tal-aggressur elevaw, fost oħrajn, il-bandiera sewda tal-ISIS. Fl-istess ħin, il-Kapijiet tal-Pulizija Awstrijaċi qalu li dan ir-raġel kien ħalef lealtà lill-istess grupp tal-ISIS li mill-ġdid qed jgħolli rasu fil-pajjiżi tal-Ewropa.
Il-Pulizija qalu li l-investigazzjonijiet żvelaw ukoll li l-aggressur, f’qasir żmien, spiċċa ‘radikalizzat’ mill-kuntatti u d-djalogi li kellu online. Huma sostnew li l-Korp tal-Pulizija u l-awtoritajiet l-oħrajn relevanti fl-Awstrija għandhom jiġbdu konklużjoni waħda f’dan ix-xenarju. F’dan il-każ, l-attakk irid ikun trattat bħala wieħed terroristiku.
Is-suspettat għandu permess tax-xogħol validu u l-ebda rekord kriminali. Fl-istess ħin, hu qatt qabel ma kien attira l-attenzjoni tal-Pulizija. Intant, il-permess tiegħu għal residenza fl-Awstrija hu biss temporanju u meta, fil-fatt, kien qed jistenna għal deċiżjoni dwar it-talba tiegħu għall-kenn politiku f’dan il-pajjiż.
Il-midruba fl-attakk qed jingħataw it-trattament meħtieġ l-isptar u meta tnejn minnhom huma mfissra bħala f’kundizzjoni gravi.
L-attakk kellu jseħħ fost id-dibattitu nazzjonali dwar il-liġijiet tal-Awstrija dwar il-kenn politiku u wara li l-Partit tal-Ħelsien estremista tal-lemin, għall-ewwel darba, spiċċa bħala l-akbar partit Awstrijak.
//= $special ?>