Internazzjonali

L-Ewropa: Lejn summit ta’ emerġenza dwar l-Ukrajna… bl-Istati Uniti qed titbiegħed aktar mill-Alleati tradizzjonali

Il-Mexxejja tal-Ewropa qed ikollhom jirriflettu u jippjanaw dwar politika ta’ difiża komuni meta l-Istati Uniti, taħt it-tmexxija tal-President Donald Trump, qed titbiegħed aktar mill-alleanza soda u tradizzjonali mal-Ewropej li ilha stabbli mill-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Dan ukoll fost l-inkwiet li Donald Trump u l-President tar-Russja Vladimir Putin qegħdin jaħdmu ‘flimkien u esklussivament’ fuq pjan għall-futur tal-Ukrajna wara kważi tliet xhur ta’ konflitt totali fl-artijiet tal-Ukreni… futur li skont l-indikazzjonijiet mill-Gvern Amerikan ġdid, kapaċi jkun imfassal mingħajr is-sehem tal-Ewropa u tal-Ukreni infushom.

Għaldaqstant, il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea, proprju għada f’Pariġi, se jiltaqgħu għal summit ta’ emerġenza dwar il-konflitt tl-Ukrajna.

Mistenni li s-summit, fuq kollox, jirrifletti l-inkwiet enormi tal-Ewropej li se jibqgħu ‘msakkrin barra’ mit-taħditiet għall-paċi dwar l-Ukrajna li se jsiru fil-jiem li ġejjin u li għandhom anki jinkludu taħditiet diretti bejn Trump u Putin.

Dan ukoll meta Donald Trump qed jinsisti biex il-gwerra fl-Ukrajna tasal fi tmiemha akkost ta’ kollox u għal kwalunkwe prezz – u fejn, fost oħrajn, qed jindika li l-Istati Uniti kapaċi ‘tippermetti’ biex ir-Russi jżommu l-art li ħatfu lill-Ukreni waqt dawn is-snin ta’ gwerra.

Element ieħor ta’ tħassib għall-Ewropej hu l-fatt li s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio, fil-jiem li ġejjin se jiltaqa’ mal-Uffiċjali tal-Kremlin fl-Arabja Sawdija biex, flmkien, jibdew it-taħditiet dwar il-konflitt tal-Ukrajna.

Il-laqgħa qed titqies bħala ‘l-konklużjoni naturali’ tat-telefonata twila, jiem ilu, bejn il-Presidenti Trump u Putin u fejn huma kienu ddiskutew l-istat tal-gwerra fl-Ukrajna.

Sadanittant, l-analisti qegħdin jirrimarkaw dwar il-fatt li President tal-Istati Uniti kapaċi jagħti prijorità lir-Russja – avversarju antik u qalil ta’ Washington – fi kwistjoni daqstant urġenti għall-Ewropa aktar milli l-pajjiżi bħar-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja li ilhom għal snin ‘spalla’ importanti għall-Amerikani fix-xena internazzjonali.

L-istess analisti qed jgħidu wkoll li Donald Trump qisu jrid jinjora l-fatt li Vladimir Putin biss jaħti għall-gwerra fl-Ukrajna wara li hu bagħat it-truppi tiegħu fl-artijiet tal-ġar biex jespandu t-territorji taħt il-kontroll tal-Kremlin.

Min-naħa tiegħu, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li ma rċeviex stedina għat-taħditiet kruċjali dwar pajjiżu li – f’nuqqas ta’ żviluppi oħra – jidhru li se jinvolvu ‘biss’ lill-Amerikani u r-Russi. Madankollu, Zelensky qed jagħmilha ċara li mhux se jaċċetta kwalunkwe ftehim bilaterali dwar l-Ukrajna li jistgħu jikkonkludu waħedhom l-Istati Uniti u r-Russja.

Volodymyr Zelensky, fi tmiem il-ġimgħa, sejjaħ għat-twaqqif ta’ Armata għall-Ewropa, fost il-biża’ li l-Istati Uniti mhix se tappoġġja aktar lill-kontinent f’każ li dan jispiċċa f’konflitt ġdid fuq skala totali.

Meta hu indirizza l-Konferenza dwar is-Sigurtà fi Munich, fil-Ġermanja, Zelensky fakkar li l-Viċi President Amerikan JD Vnce innifsu għamilha ċara li ‘qed tintemm ir-relazzjoni antika bejn pajjiżu u l-Ewropa’ – fost it-twissija biex l-Istati tal-Ewropa jirrealizzaw din is-sitwazzjoni waqt li jieħdu azzjoni f’waqtha.