Lokali

L-indiċi tal-korruzzjoni f’Malta fl-agħar livell

Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa l-organizzazzjoni ferm stmata Transparency International ippubblikat l-indiċi tagħha magħruf Corruption Perceptions Index (CPI) għas-sena 2024 u minn dan ir-rapport toħroġ l-aħbar xejn sabiħa u pjaċevoli għal pajjiżna li Malta hi kklassifikata fl-aktar pożizzjoni baxxa fl-istorja tagħha fir-rigward tal-korruzzjoni… pajjiżna kiseb biss 46 punt minn 100 punt biex hekk spiċċa fil-65 post!

Dan ifisser li pajjiżna spiċċa ikklassifikat fl-aktar pożizzjoni baxxa fl-istorja tiegħu għar-rigward tar-rapport tal-korruzzjoni globali ta’ Transparency International, hekk kif il-pajjiż – grazzi għar-rapporti kontinwi dwar korruzzjoni u skandli – kompla jitlef mir-reputazzjoni pożittiva tiegħu mhux biss fuq livell lokali, imma anki fuq livell internazzjonali.

Barra minn hekk, ir-rapport ikkategorizza lil Malta bħala “demokrazija dgħajfa”, waqt li ngħad ukoll li s-saltna tad-dritt tal-pajjiż tinsab f’deklin u qed ‘titfarrak’.

Is-sena l-oħra Malta kellha l-agħar punteġġ li l-pajjiżna qatt irreġistrat meta kisbet 51 punt, li jfisser li l-pajjiż kien tilef ħames punti oħra meta mqabbel mal-2023.

Dan ifisser li fl-2024, Malta ikklassifikat fil-65 post fuq livell globali, flimkien ma’ pajjiżi bħall-Kuwajt, il-Montenegro u r-Rumanija.

Dan il-punteġġ jimmarka l-ewwel darba li Malta waqgħet taħt il-50 punt mindu ġiet inkluża fl-indiċi fl-2012. Għaldaqstant, il-pajjiż issa hu ikklassifikat wara diversi pajjiżi tradizzjonalment ikkunsidrati bħala aktar korrotti, inkluż il-Polonja, l-Arabja Sawdija u r-Rwanda… żvilupp li jenfasizza d-deterjorament sinifikanti tal-integrita’ istituzzjonali ta’ Malta.

Meta mqabbel mal-pajjiżi li ġejjin mill-Ewropa tal-Punent u l-Unjoni Ewropea, Malta tinsab ferm ’il bogħod mill-medja reġjonali ta’ 64 punt. Huma biss il-Bulgarija u l-Ungerija li kklassifikaw f’pożizzjonijiet aktar baxxi minn fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-riżultat negattiv wasal fid-dawl ta’ diversi skandli ta’ korruzzjoni bla preċedent li laqtu l-pajjiiż f’din l-aħħar sena. Fost l-aktar li jispikkaw, hemm il-proċeduri kriminali li qed jaffaċċja l-eks Prim Ministru Joseph Muscat b’rabta mal-ftehim frawdolenti tat-tliet sptarijiet fl-inkjesta Vitals, stimat li jiswa’ €4 biljun.

Flimkien ma’ Joseph Muscat, huma involuti wkoll l-Eks Ministri Konrad Mizzi, Chris Fearne u Edward Scicluna kif ukoll l-Eks Chief of Stuff Keith Schembri.

Skont ir-rapport, dan il-każ huwa eżempju tal-“korruzzjoni sistematika” li tippersisti f’diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

L-iskandlu dwar il-ftehim frawdolenti tat-tliet sptarijiet feġġ meta Qorti sabet li kien hemm element ta’ frodi u intenzjonijiet ħżiena fit-tliet stadji tal-proċess – qabel ġiet iffirmata l-konċessjoni oriġinali, waqt il-kuntratt kif ukoll meta Vitals għaddew il-konċessjoni lil Steward.

Il-ftehim, li kien jinvolvi t-trasferiment ta’ tliet sptarijiet pubbliċi lil Vitals Global Healthcare (aktar tard akkwistat minn Steward Health Care), kien qed jiġi investigat mill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Waqt li d-deċiżjoni oriġinali tal-Qorti sabet li tort kien ta’ Steward, il-Qorti tal-Appell qalet li sabet “kollużjoni bejn il-Gvern u Vitals”.

Fi Frar ta’ din is-sena, Keith Schembri u Konrad Mizzi affaċċjaw akkużi kriminali fuq l-allegati pjanijiet tagħhom li jirċievu pagamenti minn 17 Black, il-kumpanija tas-suspettat qattiel Yorgen Fenech ibbażata f’Dubai.

Il-każ għandu x’jaqsam ma’ allegazzjonijiet li 17 Black intużat biex tħallas il-mliljun lil Mizzi u Schembri permezz ta’ arranġamenti finanzjarji kumplessi.

Apparti dan, ir-rapport sab li l-istandards jinsabu f’deklin fuq livell Ewropew ukoll.

Fil-fatti, il-medja reġjonali mill-Ewropa tal-Punent u l-Unjoni Ewropea niżlet għat-tieni sena konsekuttiva, fejn spikkaw tendenzi inkwetanti f’ekonomiji kbar bħall-Ġermanja (75) u Franza (67). Kienu anke pajjiżi bħan-Norveġja (81) u l-Iżvezja (80) li rreġistraw l-aktar punteġġi baxxi tagħhom, minkejja li s-soltu huma meqjusa bħala pajjiżi b’saħħithom f’diversi oqsam.

It-tendenzi inkwetanti jispikkaw anke fuq livell globali, b’ Maíra Martini, l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta’ Transparency International, twissi li l-forzi korrotti se jkomplu jfasslu u jiddettaw il-politiki waqt li jdgħajfu l-kontrolli u bilanċi u jiċċensuraw lill-ġurnalisti u lill-attivisti li jiġġieldu għall-ugwaljanza u s-sostenabbiltà.

B’mod partikolari, ir-rapport jenfasizza l-impatt tal-korruzzjoni fuq inizjattivi tat-tibdil tal-klima u nnota kif biljuni f’fondi intiżi għat-titjib f’dan il-qasam mhumiex qed jintużaw b’mod xieraq.

Diżastri klimatiċi riċenti, inkluż l-għargħar fi Spanja u l-mewġ ta’ sħana fl-Ewropa ta’ fuq ikomplu juru l-bżonn urġenti li hemm biex tiżdied l-integrita’ fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, iżda l-oqsfa għadhom vulnerabbli għall-influwenza tal-kumpaniji.

Fl-isfond ta’ dan ir-rapport internazzjonali li jaffettwa qatigħ lil pajjiżna, fi stqarrija Karol Aquilina, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, u Claudette

Buttigieg, ix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete, fissru li kollox juri kif Robert Abela kien weħel mill-eżami tal-governanza t-tajba.

Fl-istqarrija tagħhom huma fissru li taħt Robert Abela pajjiżna mhux biss niżel fil-65 post imma għall-ewwel darba pajjiżna ġab inqas minn 50 punt (46 punt). Dan ir-riżultat medjokri jikkonferma li Robert Abela qed iżomm mal-patt imxajtan li għamel ma’ Prim Ministru li kien iddikjarat bħala l-Korrott tas-Sena.

L-istqarrija tkomplili minflok jiġġieled il-korruzzjoni, Robert Abela jrid b’għaġla kbira jgħaddi liġi dwar l-Inkjesti Maġisterjali biex ineħħi d-dritt li għandu ċ-ċittadin privat li jitlob lill-Maġistrati jinvestigaw. Robert Abela jrid jgħaddi din il-liġi għax jaf li lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà jista’ jikkontrollah u jiġbidlu l-ispag.

Huma enfasizzaw li fi tnax-il sena l-Partit Laburista rnexxielu jkisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u ħoloq sistema ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata. Se jkunu l-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin li jbatu l-konsegwenzi ta’ dan il-falliment ta’ Robert Abela.

“Din hija inġustizzja kbira mal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba li ta’ kuljum jistinkaw biex jimxu mal-liġijiet ta’ pajjiżna. Dan huwa inġust ukoll mal-eluf ta’ ħaddiema tal-Gvern u l-aġenziji, entitajiet u awtoritajiet tiegħu li huma mxebbgħin mill-abbużi li qegħdin jitwettqu mill-Gvern ta’ Robert Abela.

“Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ li l-ħaddiema tal-gvern għandhom jitħallew ħielsa jaqdu d-dmirjiet tagħhom mingħajr indħil politiku u mingħajr il-biża’ li l-Gvern se jeħodha kontrihom jekk jitkellmu u jwaqqfu l-abbuż,” qalu Karol Aquilina u Claudette Buttigieg.

Huma komplet li minkejja dan ir-riżultat negattiv, Robert Abela u l-Ministri tiegħu qegħdin jibqgħu jittrattaw liċ-ċittadini, lis-soċjetà ċivili u lill-ġurnalisti bħala l-għadu tagħhom, u temmew iwissu li l-Partit Nazzjonalista hu determinat li jkompli jiġġieled l-abbużi li qegħdin iwettqu Robert Abela u l-Ministri tiegħu.