L-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon ma jaqbel xejn mal-Prim Ministru Robert Abela.
F’intervista mal-gazzetta MaltaToday, l-Ombudsman irribatta għall-attakk li rċieva minn Robert Abela f’kummenti li ta lill-ġurnalisti ftit tal-jiem ilu. Dan b’rabta mar-rapport iebes fuq il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin taħt it-tmexxija tal-Kurunell Alex Dalli.
Ir-rapport ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Ombudsman sab li taħt it-tmexxija ta’ Alex Dalli l-ħabs kien sottopost għal prassi li tneħħi d-dinjità tal-bniedem, b’uħud ikunu vittmi ta’ aġir razzista… u bir-rapport jiddeskrivi t-tmexxija tal-ħabs bħala Fabbrika tal-Ħażen.
Iżda l-Prim Ministru mhux talli baqa’, wara dawn is-snin kollha, jiddefendi lil Alex Dalli… talli spiċċa jattakka lill-Ombudsman.
L-Ombudsman jisħaq li f’din l-investigazzjoni kulħadd instema’.
Joseph Zammit McKeon insista li mhux talli ma jibqax wara l-iskrivanija, talli hemm investigaturi li sal-ġurnata tal-lum imorru jispezzjonaw il-ħabs huma stess sabiex jaraw u jisimgħu dak li jkun qiegħed verament jiġri.
Għaldaqstant, l-Ombudsman insista li filwaqt li jirrispetta l-kariga ta’ Robert Abela, ma jista’ qatt jaqbel miegħu fuq stqarrija bħal din fejn qed jimmina l-ħidma tal-uffiċċju tal-Ombudsman u jibqa’ jiddefendi dak li seħħ… fejn fost l-oħrajn taħt din it-tmexxija ta’ Dalli mietu tal-inqas 14-il priġunier b’suwiċidju.
//= $special ?>