Basketball Sport

Mapfre MSV Life Konck-out Nisa: Caffé Moak Luxol u Starlites JSD jikkwalifikaw għall-finali

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Caffè Moak Luxol……76

Hibernians………………37

(25-10)(15-14)(16-10)(20-3)

Caffè Moak Luxol għaddew għas-semifinali tal-Mapfre MSV Life Knockout wara rebħa fuq Hibernians 76-37. Luxol iddominaw il-partita mill-bidu sat-tmiem u qatt ma taw ċans lil Hibs li jkunu fil-partita. Luxol fetħu l-partita b’ritmu qawwi, b’Anna Fenech Pace u Brandi Huffhines jikkonvertu diversi fast breaks f’punti. Huffhines b’mod partikolari għamlet tliet trippli wara xulxin fi break ta’ 15-0 minn Luxol. Hibs ippruvaw jirrispondu bil-baskets ta’ Marie Buhagiar u Elena Cassar però l-ewwel sessjoni ntemmet 25-10 favur Luxol.

Fit-tieni perjodu, wara basket minn Steffi De Martino għal Hibs, kien hemm aktar trippli ta’ Luxol minn Lisa Fenech Pace u Huffhines flimkien mal-punti ta’ Josephine Diaby. Kien biss lejn tmiem it-taqsima li Hibs naqqsu d-distakk bi break ta’ 7-0 bi trippla ta’ De Martino għal skor ta’ 40-24.

Wara l-intervall, Hibs kellhom il-punti ta’ Andie Saliba, però Luxol reġgħu ħadu kontroll tal-partita bi break ieħor ta’ 14-2 bi trippli ta’ Huffhines u Diaby u l-punti ta’ L. Fenech Pace. Hibs kellhom il-punti ta’ De Martino, Ashiala Jackson u Julija Dabic biex Luxol kabbru d-distakk għal 56-34 sa tmiem is-sessjoni.

L-aħħar taqsima kienet bla storja fejn Hibs irnexxielhom jagħmlu biss 3 punt minn Maria Bonett. Luxol kellhom fost l-oħrajn run ta’ 11-0 bi trippla ta’ Huffhines u punti minn Sarah Fenech Pace u Vanya Baldacchino. Kien hemm spazju wkoll għal disa’ punti minn Rebecca Fenech Pace hekk kif Luxol ħarġu rebbieħa 76-37.

Caffè Moak Luxol: G. Carabott, L. Fenech Pace 13, M. Marmara, H. Galea, E. Abela, S. Fenech Pace 11, J. Diaby 13, B. Huffhines 20, V. Baldacchino 4, R. Fenech Pace 9, R. Naudi, A. Fenech Pace 6.

Hibernians:  M. Buhagiar 2, S. Vella 2, E. Cassar 10, A. Saliba 3, J. Abela, M. Bonett 5, S. De Martino 6, K. Calleja, N. Farrugia, A. Jackson 6, K. Caruana, J. Dabic 3.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Miguel De Flavia.

Athleta………….68

Starlites JSD…97

(19-29)(10-22)(15-22)(24-24)

Starlites JSD ukoll waslu sas-semifinali tan-knock out fejn issa fis-semifinali tal-Ħadd li ġej jiltaqgħu kontra Valletta Lioneses fis-13.30 ta’ waranofsinhar. Fit-tieni semifinali jiltaqgħu Caffè Moak Luxol kontra Bettson Depiro fit-15.30.

Starlites irkupraw lil Michela Zammit Cordina u Ylenia Ferrando u kellhom il-wirja brillanti tal-Amerikana Makaila Napoleon b’40 punt u 17-il rebound. Fil-fatt l-ewwel punti ta’ Starlites waslu kollha minn Napoleon fi break ta’ 9-3 filwaqt li għall-Athleta kien hemm il-punti ta’ Francesca Sant u Kennedi Williams. Athleta komplew iżommu l-pass mall-avversarji tant li għal tliet darbiet għamlu l-iskor indaqs. Trippla ta’ Mikela Riolo fetħet run ta’ 12-0 minn Starlites b’aktar punti ta’ Napoleon għal skor ta’ 29-19.

Fit-tieni taqsima, Starlites fetħu bi trippla ta’ Philippa Riolo u punti minn Ylenia Bonett u Napoleon. Athleta wieġbu permezz ta’ Williams u Chantelle Caruna qabel ma Starlites għamlu run oħra ta’ 15-2 bi trippla ta’ Sasha Lecuyer u daħlu jistrieħu 51-29 minn fuq.

Wara l-intervall, il-vantaġġ ta’ Starlites kiber għal 32 punt 63-31 wara trippli minn Napoleon u Lecuyer. Għal xi ħin Athleta rrispondew fosthom bi trippla ta’ Nicole Vella u punti minn Williams u Kelsey Abela. Lecuyer għamlet trippla oħra flimkien mal-punti ta’ Zammit Cordina b’Williams tagħlaq it-taqsima bi trippla għal skor ta’ 44-73. Fl-aħħar perjodu, Athleta sabu break ta’ 11-2 biex naqqsu d-distakk u aktar tard kien hemm punti fuq kull naħa għal skor ta’ 85-65. Hawn Starlites għamlu run finali ta’ 12-0 bi trippli minn Lecuyer u Christina Curmi biex rebħu l-partita 97-68.

Athleta: K. Williams 29, B. Agius 5, M. Ferrante 3, N. Vella 7, M. Cassar Pickard, F. Sant 3, A. Micallef 9, J. Cipriott, Ke. Abela 4, C. Caruana 2, Ka. Abela 2, L. Camilleri 4.

Starlites JSD: S. Lecuyer 18, M. Riolo 8, C. Cilia 3, P. Riolo 5,  M. Zammit  Cordina 4, M. Fenech 8, M. Napoleon 40, C. Vella, E. Degiorgio, Y. Ferrando, C. Curmi 5, Y. Bonett 6.

Referees: Wendell Lim, Fiorentina Ciurariu