Ilbieraħ filgħaxija, fil-Caritas Community Centre tnediet l-esebizzjoni tal-arti Nostalġija, imtella’ mill-artisti Don Heywood u Żepp Cassar b’risq Caritas Malta.
L-esebizzjoni kienet inawgurata minn Mons. Martin Micallef, Vigarju Episkopali għall-ħidma fid-djakonija u filwaqt li sellem il-memorja sabiħa ta’ Monsinjur Victor Grech, faħħar lill-artisti li għażlu Caritas Malta biex itellgħu dan ix-xogħol nostalġiku li jeħodna lura għal żmien il-karozzi tal-linja tal-kulur, it-tieqa tad-Dwejra, u t-tifkiriet bħall-innijiet ‘Reġa’ sebaħ ja Muleja’ u memorji tan-nanna taħbi d-deheb taħt is-siġra tal-laring.
Id-direttur ta’ Caritas Malta wkoll sellem lil Mons. Victor Grech u kemm inħasset it-telfa tiegħu imma bla dubju il-legat li ħalla, iż-żerriegħa li żergħa se tibqa’ tagħti l-frott. Irringrazzja lil Don Heywood u Żepp Cassar li qed itellgħu din il-wirja fis-sala ddedikata lill-Mons. Victor Grech li qiegħda fil-Caritas Community Centre u li wkoll parti mid-dħul ta’ dawn il-kwadri se jmur lejn is-servizzi li huma bla ħlas li tagħti Caritas Malta.
“Ma nistax ma naqsamx storja magħkom ta’ żagħżugħ li fil-programm għamel kwadru sabiħ fejn fin-nofs ta’ dan il-kwadru hemm qalb ħamra, il-qalb li tħabbat ta’ Caritas. Dal-kwadru mdendel fl-uffiċċju tiegħi. Daż-żsgħżugħ kellu relapse u meta darba ra dan il-kwadru fl-uffiċċju ra l-kobor ta’ ġo fih u d-dawl li jista’ jerġa’ jikseb lura d-dinjità tiegħu”. Temm jgħid Anthony Gatt filwaqt li esprima li dak hu li tagħmel Caritas, tħobb u tagħti ħajja lura lil dawk li tilfuha fit-triq.
Don Heywood li għandu xogħol tiegħu f’kollezzjonijiet privati li jinsabu f’Buckingham Palace, Windsor Castle, Wimbeldon Tennis Club, fil-Palazz tal-President ta’ Zimbabwe u fl-Ambaxxata Ingliża fl-Afrika t’isfel fost oħrajn, spjega li din hija l-5 esebizzjoni tiegħu f’Malta.
Huwa artist Ingliż b’ċittadinanza Maltija u fl-arti tiegħu esprima l-Malta kif jiftakarha hu; bil-karozzi tal-linja tal-kulur, l-għasafar li kienu jpassu fil-passat, il-gallariji Maltin u fost kollox it-tieqa tad-Dwejra li llum m’għadihiex hemm. Magħruf għall-portraits f’din l-esebizzjoni għandu kwadru tal-Papa Ġwanni Pawlu II kif kien rah fuq il-Fosos tal-Furjana meta kien Malta. “Kont rajtu dakinhar jindirizza lin-nies bi tbatija kbira. Għalkemm bilkemm seta’ joqgħod bilwieqfa, laqatni immens bid-determinazzjoni tiegħu biex jiġġieled kull diżabbiltà u lili mlieni b’rispett kbir lejh u dan kwadru b’tislima għalih”, temm jgħid Don Heywood.
Żepp Cassar sellem ukoll lill-Monsinjur Victor Grech. Żepp huwa Malti li jgħix Sydney, l-Awstralja u spjega li ilu sentejn sħaħ jaħdem fuq din l-esebizzjoni fejn fakkritu fit-tifkiriet ta’ meta kien tifel jgħix Malta. Żepp esebixxa Amsterdam, Bordeaux, Shanghai, Ruma, Pariġi, St Petersbourgh, Sydney u New York.
“Imma nħoss ċertu maġija u qawwa li nesebixxi fl-art li wellditni b’tifkiriet li jien tant ngħożż u għext bħall istorja tax-xbejba ta’ Għar Speranza, il-ful li kien jiżra’ n-nannu, il-kawlata tan-nanna, il-buqari tal-fjuri li jfakkarni fis-sepulkru fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa”, esprima b’emozzjoni filwaqt li tkellem dwar il-knejjes li pinġa bħall-Muxrabija Ta’ Pinu, il-Knisja tal-Isperanza l-Mosta u tal-Karmnu l-Balluta u t-tifkira tal-Innu ‘Reġa’ sebaħ ja Muleja’. Irringrazzja lil Caritas Malta, lil Marsovin, APS Bank u George Galea li pprovda l-picture hanging wires, Appettitosa u General Soft Drinks.
L-esebizzjoni Nostalġija miftuħa għall-pubbliku għada t-Tnejn 17 ta’ Frar sal-Ġimgħa 21 ta’ Frar bejn l-10 ta’ filgħodu u t-8 ta’ filgħaxija u s-Sibt 22 ta’ Frar bejn l-10 ta’ filgħodu sas-1pm fil-Caritas Community Centre, Triq Mountbatten, il-Ħamrun.
//= $special ?>