Lokali

Uffiċjali Korrettivi frustrati u bla direzzjoni

Uffiċjali Korrettivi li jservu fil-Ħabs ta’ Kordin qed jesprimu frustrazzjoni kbira dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, li sejrin għall-agħar minkejja t-talbiet kontinwi biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Sfortunatament, minflok soluzzjonijiet konkreti, l-Uffiċjali qed jaffaċċjaw deċiżjonijiet li qed iżidu l-pressjoni fuqhom.

Iservu f’kundizzjonijiet li qed joħolqu tfixkil

Uffiċjali tal-Ħabs ta’ Kordin li ltaqgħu ma’ Il-Mument ilmentaw li qed jaħdmu sigħat twal iżżejjed, b’sahra impost bilfors minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani. Dan qed iwassal biex jonqos il-mistrieħ tagħhom, xi ħaġa li mhix sostenibbli u li tista’ twassal għal perikli serji fil-post tax-xogħol. F’dan rigward il-GWU qegħda tibqa’ siekta.

Barra minn hekk l-ambjent tal-post tax-xogħol mhux ideali. Il-Officers Mess tal-Faċilità mhux adegwat u jidher li qed jiġi utilizzat bħala maħżen u manifattura tal-ħelu aktar milli bħala spazju fejn l-Uffiċjali jkunu jistgħu jieklu jew jistrieħu b’mod komdu.

B’żieda ma’ dan, l-Uffiċjali m’għandhomx post xieraq fejn jistgħu jistrieħu matul il-ġurnata, xi ħaġa li tmur kontra l-bżonnijiet bażiċi tal-ħaddiema.

Is-sori tagħna komplew li wieħed jista’ josserva wkoll kif lill-priġunieri qed jagħtuhom kollox, u kundizzjonijiet ħafna aħjar minn tal-Uffiċjali li jservu. L-Amministrazzjoni l-ħin kollu taġġevola lill-priġunieri biex ma joqogħdux jitkellmu mal-midja.

“Jekk dan kollu mhux biżżejjed, il-burokrazija qed iżżid il-problemi tagħhom. Saħansitra, xi Uffiċjali qegħdin isibu diffikultà biex jibdlu l-uniformi tagħhom minħabba l-proċeduri li jridu jimxu magħhom. Barra minn hekk, l-involviment eċċessiv ta’ xi Uffiċjali pajżana, bħalma hu x-xufier ta’ wieħed mill-Uffiċjali Eżekuttivi, li jkun kontinwament warajhom u jidħol fid-diviżjonijiet, qed toħloq pressjoni żejda u tensjoni bla bżonn.

“Għax wieħed jistaqsi mela mhux biżżejjed li għandna fizzjala jsusu warajna, issa dan ukoll? Dan biex ma nsemnux li dan l-Uffiċjal Eżekuttiv il-ħin kollu jlaħħaq nies ċivili biex immexxu u bl-Uffiċjali Korrettivi ma jagħtihom l-ebda opportunità,” qalulna s-sorsi li tkellmu magħna.

Il-kontroversja dwar il-shift system

Sadattant fl-aħħar jiem, il-COO ddeċieda li jwaqqaf direttiva li kienet tippermetti lill-Uffiċjali ma jaħdmux ammont eċċessiv ta’ sahra. Din id-deċiżjoni waslet minħabba n-negozjati li għaddejjin mal-Union, iżda ħadd għadu ma jaf x’se jiġri fil-futur. Din kellha tieqaf ħesrem imma ħadd ma jaf x’ser jiġri.

Tant saret b’mod mgħaġġel din id-deċiżjoni u b’nuqqas ta’ ippjanar minn qabel fejn naqas lil Uffiċjali tal-uffiċini għas-skapitu tax-xogħol li jaqa’ lura, li dan fih responsabbiltà kbira.

Hemm nies ippreferuti li jibqgħu fl-uffiċċju jew f’posthom bħal tal-istrategy. Hemm ukoll Uffiċjali bi snajja’ li wkoll bagħathom jaħdmu fid-divisions.

Hawn jidħol ukoll il-fatt legali. Il-liġi dwar il-ħin tax-xogħol hi ċara ħafna dwar id-drittijiet tal-ħaddiema għall-mistrieħ, u f’dan il-każ, id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu jistgħu jkunu qed jikkontradixxu l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 452.87, li tirregola l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

X’jista’ jsir?

Hu ċar li hemm nuqqas serju ta’ komunikazzjoni bejn l-Uffiċjali Korrettivi u l-Amministrazzjoni. Jekk is-sitwazzjoni tkompli sejra għall-agħar, jista’ jkun hemm implikazzjonijiet serji fuq il-moral u s-saħħa mentali tal-Uffiċjali, jew aħjar tkompli tiggrava s-sitwazzjoni.

Il-Union u l-Amministrazzjoni għandhom isibu mezz kif jaslu għal soluzzjoni li tħares kemm l-interessi tal-ħaddiema kif ukoll il-funzjonament effiċjenti tas-sistema Korrettiva.

Tajjeb li wieħed josserva li hemm ukoll il-UHM li għandha wkoll numru ta’ nies magħha imma, din mhix konsultata. Il-liġi dwar il-ħin tax-xogħol trid tiġi rispettata, u għandu jkun hemm impenn ċar biex titjieb l-esperjenza tal-Uffiċjali Korrettivi fuq il-post tax-xogħol. Fejn anke rekluti mhux jidħlu u bħalissa hemm 23 biss.

Jekk il-problemi preżenti ma jissolvewx, tista’ tinħoloq kriżi serja li mhux biss tolqot biss lill-Uffiċjali, iżda wkoll lis-sistema kollha tal-ġustizzja korrettiva fil-pajjiż, temmew is-sorsi tagħna fil-Ħabs ta’ Kordin.