Il-Fondazzjoni Melita qed tiċċelebra ħames snin ta’ attività li matulhom appoġġjat bosta organizzazzjonijiet tal-karità, organizzazzjonijiet mhux governattivi, u proġetti innovattivi. Iffokata fuq it-titjib tal-ħiliet diġitali, it-trawwim tal-kreattività, u l-preservazzjoni tal-wirt storiku u l-ambjent ta’ Malta. Il-Fondazzjoni Melita twaqqfet fl-2020 b’allokazzjoni inizjali ta’ fondi minn Apax Partners, l-azzjonisti ta’ Melita sal-2019.
Matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, il-Fondazzjoni Melita estendiet l-appoġġ tagħha għal diversi organizzazzjonijiet, minn għaqdiet ambjentali bħal Nature Trust Malta u Zibel sa għaqdiet tal-wirt bħal Din l-Art Helwa u l-Fondazzjoni Konkatidral ta’ San Ġwann. Impenjat ukoll riżorsi biex tgħin tfal fil-bżonn jew li għaddejin minn ċirkostanzi diffiċli, kif ukoll għal proġetti edukattivi għall-migranti mmirati biex irawmu sens ta’ inklussività u komunità.
Il-Professur Tanya Sammut-Bonnici, Chairperson tal-Fondazzjoni Melita, qalet, “B’ħarsa ‘l quddiem, il-Fondazzjoni Melita hija impenjata li tespandi l-appoġġ tagħha għal proġetti fi ħdan il-pilastri tagħna ta’ kreattività u ħiliet diġitali, li jinvolvu gruppi vulnerabbli u żvantaġġati, inklużi, iżda mhux limitati għal persuni b’diżabbiltà, anzjani u tfal f’riskju. Bl-appoġġ mill-azzjonisti ta’ Melita Limited, aħna nimmiraw li nipprovdu aktar appoġġ fit-tul għal programmi li ħallew impatt fuq il-ħajja tan-nies.”
Informazzjoni dwar aktar minn 80 proġett li l-Fondazzjoni Melita appoġġat matul dawn l-aħħar ħames snin tista’ ssibha fuq www.melitafoundation.org.
//= $special ?>