Beppe Fenech Adami, PN
Ix-Shadow Minister għall-Politika Barranija Beppe Fenech Adami qal fil-Parlament li l-Gvern Laburista qed iressaq liġi biex jipproteġi lill-frodisti, korrotti u ħallelin biex ma jinqabdux.
Beppe Fenech Adami qal li l-Gvern Laburista ġab lil Malta bħala l-25 pajjiż l-aktar pajjiż korrott, fil-livell tar-Rwanda u s-Sawdi Għarabja. Il-gvern deherlu li kellu jiddiskuti l-liġi dwar l-inkjesti; liġi ta’ gvern dgħajjef u mwerwer u li hi intiża biss biex iċċaħħad liċ-ċittadin mid-dritt li għandu li jmur quddiem Maġistrat biex jitlob inkjesta f’każi ta’ korruzzjoni.
Hu kompla li din mhijiex riforma legali kosmetika iżda hi liġi kkalkulata u magħmula apposta biex ikun diffiċli għaċ-ċittadini onesti li jieħdu passi skont id-dritt li kellhom sal-lum li jmorru quddiem maġistrat biex ikun reat abbuż u korruzzjoni. Din hi liġi li intenzjonalment hi magħmula biex titnaqqas it-trasparenza u l-kontabbiltà u biex issir iktar diffiċli għal min hu onest waqt li jinqeda min hu diżonest.
Il-Gvern għaddej b’kampanja organizzata biex jipprova jikkonvinċi li din hi liġi tajba. Dan hu attentat iddisprat ta’ gvern biex ipinġi din il-liġi bħala xi ħaġa pożittiva u li qed tpoġġi lil Malta fuq l-istess livell mas-sistema demokratika Ewropea meta dan mhuwiex minnu.
Beppe Fenech Adami qal li l-Gvern Laburista qed iressaq liġi biex jipproteġi lill-frodisti, korrotti u ħallelin biex ma jinqabdux. Dawn sabu lill-gvern li qed joħroġ għonqu għalihom u jasal li anki jibdel il-liġi biex ma jinqabdux. Il-frodisti, il-ħallelin u l-korrotti ordnaw lill-gvern biex iressaq din il-liġi biex ma jkunux investigati mill-maġistrati u ma jinqabdux.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li din hi liġi li tbiegħed lil Malta mill-valuri Ewropew u sostna li l-Prim Ministru hu mġiegħel jagħmel din il-liġi. Hu qal li l-gern qed jgħid li l-pajjiż għandu bżonn din il-liġi għaliex tirrappreżenta l-kuntest Malti; dan juri kemm dan hu gvern diżonest.
Il-liġi mhijiex qed issir f’kunetst fejn l-istituzzjonijiet jiffunzjonaw iżda qed isir f’kuntest ta’ Korp tal-Pulizija li għaddej minn trawna waħda wara l-oħra b’Kummissarju tal-Pulizija li jiftaħar li ma jinvestigax każi ċelebri ta’ korruzzjoni. Fost dawn hemm Eks Ministri Laburisti li nqabdu b’kumpaniji sigrieti fil-Panama. Id-deputati Laburisti jafu li dawk il-kumpaniji saru biex issir korruzzjoni iżda l-Kummissarju jibqa’ ma jinvestigax.
Beppe Fenech Adami qal li l-Parlament kollu konvint li l-bejgħ tal-isptarijiet kienet ħadma korrotta iżda l-Kummissarju ma jinvestigax. Hu semma’ l-kuntratt tal-Montenegro li kienet ħadma oħra fejn l-Enemalta investiet fit-turbini tar-riħ iżda anki hawn ma sarux investigazzjonijiet.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru pprova jumilja pubblikament lil dawk li kellhom il-kuraġġ jikkritikaw din il-liġi. Dan hu l-istess Prim Ministru li quddiem it-traġedja ta’ Jean Paul Sofia għadda lil ommu minn martirju; iżda ma waqafx hemm għaliex il-Prim Ministru attakka lill-maġistrat li kienet qed tinvestiga dak il-każ traġiku.
Beppe Fenech Adami fakkar kif il-Prim Ministru biċċer lill-Maġistrat Gabriella Vella li kienet qed tagħmel inkjesta li bdiet b’talba mill-PN. Il-Prim Ministru mar iktar minn hekk u attakka lill-Professur Tonio Borg li esprima lilu nnifsu, lill-Imħallef Emeritus Giovanni Bonello u lill-Prim Imħallef Emeritus Silvio Camilleri.
Il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Prim Ministru attakkaw ukoll persuna mejta; lill-Prim Imħallef Mifsud Bonnici li ħadd qatt ma ddubita mill-integrità tagħha.
Hu qal li l-Prim Ministru laħaq liveli ġodda ta’ kattiverija meta anki attakka lil missieru, il-President Emeritu Eddie Fenech Adami, li llum għandu 91 sena u ma jistax iwieġbu. Il-Prim Ministru attakka wkoll lill-Prim Imħallef Emeritu Silvio Camilleri li qal li din hi liġi ħażina; kif qed jgħid kulħadd. Dan kien attakkat personalment anki b’membri tal-familja.
Beppe Fenech Adami qal li min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru ddefenda lill-Ministru Byron Camilleri dwar rapport tal-Ombudsman li stabbilixxa li fil-ħabs kien hemm it-tortura u kien hemm min miet minħabba l-mod kif kienu trattati l-priġunieri.
Hu appella lid-deputati żgħażagħ Laburisti biex jaraw li l-affarijiet isiru sew.
//= $special ?>