Lokali Sport

Il-Malta Drag Racing Association tesprimi d-diżappunt rigward ix-xogħol wieqaf fit-trakka mwiegħda mill-Gvern

Il-Malta Drag Racing Association esprimiet id-diżappunt enormi tal-membri tagħha rigward l-istat diżappuntanti li tħalliet it-trakka tal-Motorsport, f’Ħal Far.

Dan id-diżappunt jasal wara bosta wegħdiet foloz mill-Gvern Laburista li se jsir xogħol estensiv fuq il-kumpless tal-Motorsport, f’Ħal Far. Ix-xogħol fuq it-trakka beda lura fl-14 ta’ Diċembru, u huwa magħruf li f’total ta’ 63 ġurnata, kulma sar huwa 9 sigħat ta’ xogħol. Bil-Malta Drag Association tistqarr li dan ifisser li għal 63 ġurnata x-xogħol kien wieqaf totalment u ma kien hemm l-ebda progress lejn it-tlestija tat-trakka.

Dan ifisser ukoll li għal darb’oħra l-Partit Laburista għamel wegħdiet foloz hekk kif ħalla lid-dilettanti tal-motorsport, membri tal-assoċjazzjoni u spettaturi mingħajr ebda post biex jippratikkaw l-isport tant għal qalbhom.

Il-Malta Drag Racing Association hija waħda mill-ikbar għaqdiet tal-Motorsport f’pajjiżna, b’iktar minn 600 membru, u eluf ta’ partitarji mhux biss f’pajjiżna iżda anke dawk li jsegwu l-Motorsport lokali barra minn xtutna.

Din l-apatija min-naħa tal-Gvern Laburista hija turija ċara li l-Partit Laburista m’għandux fiċ-ċentru tal-politika tiegħu l-bżonnijiet tan-nies, b’mod speċjali fejn jidħol l-isport lokali, anke meta l-Motorsport, is-sena l-oħra, ġab tant unur lill-pajjiżna.

Id-9 sigħat xogħol saru fl-14 ta’ Diċembru 2024, bil-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport Clifton Grima jtella’ post flimkien mal-Ministru tat-Trasport Chris Bonett lura fit-23 ta’ Diċembru jiftaħru li x-xogħol fuq it-trakka beda. Madankollu, minkejja li x-xogħol beda, ma tkompliex u kif sirna nafu, kollox baqa’ kif kien għal xahrejn sħaħ, tħarbit sħiħ u gaffa f’nofs dan kollu.

Il-Malta Drag Racing Association kompliet tgħid li mhux talli ma sar l-ebda xogħol minn Diċembru sal-lum, iżda talli min kien kuntent bit-trakka issa m’għandu l-ebda post biex jesprimi l-passjoni tiegħu fil-Motorsport.

Il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar snin jappella lill-Gvern Laburista sabiex ix-xogħol fuq it-trakka mhux talli jibda iżda anke jasal biex jiġi fi tmiemu għall-benefiċċju tal-isportivi Malti.