Din il-ġimgħa hi ddedikata kollha kemm hi għall-ġustizzja soċjali f’pajjiżna. Fejn qed naraw ħafna persuni li jsofru fis-silenzju minħabba għadd ta’ inġustizzji li jesperjenzaw f’ħajjithom.
Kien għal dan l-għan li għal sena oħra, id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, f’isem il-PN, tella’ konferenza sabiex jiġi diskuss x’jeħtieġ isir aktar ħalli l-persuni ma jsofrux minħabba għadd ta’ inġustizzji.
Din hija s-sitt sena konsekuttiva li matulha qed tiġi organizzata din il-kampanja li sservi ta’ vuċi għal min m’għandux, filwaqt li tingħata l-opportunità lil dawk li jixtiequ jitkellmu u jirrakkuntaw l-inġustizzji li esperjenzaw f’ħajjithom.
Matul din il-konferenza ntqal kif minkejja li l-ekonomija qed tikber, xorta waħda qed naraw il-faqar li qed ikompli jiżdied fost is-soċjetà tagħna tant li hawn numru kbir ta’ kċejjen li jitimgħu lil dawk li lanqas biss jaffordjaw platt ikel sħun kuljum.
Bis-soċjetà li qed tara wkoll għadd kbir ta’ ġenituri li jkollhom jiċċaħdu minn uliedhom għaliex il-ħajja mhix tippermettilhom li jieqfu siegħa waħda sabiex jistrieħu mix-xogħol.
U meta l-Maltin suppost saru sinjuri żgħar… minflok qed isofru bl-anzjetà u d-dipressjoni minħabba l-kriżijiet ta’ żminijietna.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm fost l-oħrajn id-Deputati Nazzjonalisti Albert Buttigieg, Graziella Galea, u Justin Schembri.
Matul din il-ġimgħa se jiġu organizzati diversi inizjattivi fosthom żjarat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u d-Dar tal-Kleru, fejn kull saċerdot residenti fid-dar se jingħata rigal ċkejken u ittra ta’ ringrazzjament għax-xogħol li wettqu matul ħajjithom biex isseħħ il-ġustizzja soċjali.
Biex imbagħad, wara din il-konferenza, il-Ħamis, proprju f’Jum il-Ġustizzja Soċjali, se tiġi organizzata l-konferenza fil-plenarja mmexxija mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia. Hawnhekk ikomplu jinstemgħu aktar esperjenzi u kuntrasti ta’ individwi.
L-għada tiġi fi tmiemha din il-kampanja b’attività soċjali fejn jiġu rikonoxxuti nies li ħadmu fis-skiet matul ħajjithom b’risq il-Ġustizzja Soċjali. Din is-sena se jiġu premjati tliet persuni li ġejjin minn oqsma differenti iżda b’għan simili – dak li jibnu soċjetà ġusta u ugwali għal kulħadd.







