Lokali Qorti

“Il-Quws” jiffranka tliet xhur ħabs fuq daqqa ta’ ponn lill-eks sieħba

Melvin Debono magħruf bħala “Il-Quws” li kien ġie kundannat tliet xhur ħabs f’Novembru li għadda, kellu s-sentenza tiegħu sospiża b’sena wara li nstab ħati li ta daqqa ta’ ponn u aggredixxa lill-eks sieħba tiegħu. It-tnaqqis fis-sentenza saret wara li l-Qorti tal-Appell iddeċidiet li l-ġrieħi tagħha ma kinux gravi biżżejjed biex tiġġustifika sentenza ta’ ħabs awtomatika.

Debono ta’ 33 sena, huwa magħruf sew mal-Pulizija, bil-każ imur lura għal Diċembru tal-2022, meta argument dwar infedeltà bejn Debono u l-eks sieħba tiegħu eskala fi vjolenza. Waqt li kien fil-karozza, Debono taha daqqa ta’ ponn, u wara li ħarġu minnha mbottaha u insulenta lilha quddiem it-tliet uliedhom.

Wara dan l-inċident, huwa allegatament kien involut f’attakk fuq it-tfajla tiegħu qabel ma spiċċa bil-Pulizija jiġru warajh b’veloċità għolja, li rriżulta f’ħabta. Bħalissa qed jiffaċċja madwar 15-il akkuża kriminali relatati ma’ dak l-inċident.

F’Novembru 2024, il-Qorti kkundannatu tliet xhur ħabs u ħarġet ordni ta’ protezzjoni ta’ tliet snin għall-eks sieħba tiegħu. Madankollu, Debono appella s-sentenza, u sostna li l-azzjonijiet tiegħu ma jiġġustifikawx sentenza ta’ ħabs immedjata minħabba n-natura minuri tal-ġrieħi.

Rapporti mediċi sottomessi lill-Qorti wrew li l-vittma ġarrbet “tbenġil u nefħa madwar l-għajn tal-lemin,” minħabba d-daqqa ta’ ponn. Madankollu, l-Imħallef Neville Camilleri ddeċieda li l-ġrieħi kienu ħfief u kkunsidra l-kuntest tal-argument.

Għaldaqstant, il-Qorti rrevokat is-sentenza ta’ ħabs ta’ Debono u bidlitha b’sentenza sospiża.

Għal Debono dehru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.