Ftit fadal dubju li r-Russja u l-Istati Uniti qed jaħdmu fuq pjan esklussiv biex jiddeċiedu huma d-destin tal-Ukrajna mingħajr is-sehem u parteċipazzjoni tal-Ewropa. Din is-sitwazzjoni inkredibbli u xokkanti speċjalment ladarba l-Istati Uniti – għal għexieren ta’ snin it-‘tarka’ għall-Ewropa – tidher li, taħt it-tmexxija tal-President Donald Trump qed tfassal politika ġdida u ‘kważi ostili’ fir-rigward tal-kontinent Ewropew
Is-sitwazzjoni qed issir dejjem aktar allarmanti għall-Ewropa, bl-analisti u l-uffiċjali fid-diversi gvernijiet Ewropej jaqblu li Trump qed iwitti t-triq biex ir-Russja ta’ Vladimir Putin, taħtaf il-kontroll permanenti tal-ibliet u reġjuni li qed tokkupa fl-Ukrajna fuq l-istess stil bħal meta t-truppi ta’ Moska kienu ħatfu l-penisola tal-Krimea lill-Ukreni waqt l-ewwel xhur tal-2014.
Il-gravità taċ-ċirkustanzi huma riflessi fis-summit li qed tibda, f’Pariġi, għall-Mexxejja Ewropej li flimkien se jiddiskutu b’urġenza l-aħħar żviluppi u xi jfissru għall-Ewropa.
Il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, kompla jżid mat-tensjoni bil-kumment li ‘ma hemm l-ebda post għall-Ewropa fi kwalunkwe proċess għal taħditiet ta’ paċi bejn pajjiżu u l-Ewropa.’
Lavrov infexx f’attakk ieħor fuq l-Ewropa fost l-insistenza li l-potenzi Ewropej ‘iridu li din il-gwerra (fl-Ukrajna) tkompli irrispettivament miċ-ċirkustanzi’. Hu saħaq li ‘ma jafx kemm għandha tagħmel sens’ il-preżenza tal-Ewropej madwar il-mejda tan-negozjati peress li huma, fi kliemu, ‘dejjem insistew bil-politika ta’ aggressjoni u konfrontazzjoni fir-rigward tar-Russja.’
Fl-aħħar sigħat, Sergei Lavrov kien qed jivvjaġġa lejn l-Arabja Sawdija għal taħditiet speċifiċi dwar l-Ukrajna mas-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio.
Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, ukoll se jkun fl-Arabja Sawdija din il-ġimgħa u meta hu għamilha ċara li mhux se jkun involut fit-taħditiet li jikkonċernaw pajjiżu bejn l-Amerikani u r-Russi.
Ir-Russja ta’ Putin, fi Frar tal-2022, bdiet l-invażjoni totali tal-Ukrajna bil-mezzi militari u li sal-lum swietilha l-għexieren tal-eluf tal-mejtin. Intant, Volodymyr Zelensky, issa, żvela li mill-bidu tal-gwerra ‘l hawn mietu tal-anqas 46,000 suldat Ukren huma u jiddefendu s-sovranità ta’ pajjiżhom.
//= $special ?>