Internazzjonali

Is-summit ta’ Pariġi dwar l-Ukrajna: Ir-Renju Unit għadu impenjat fl-appoġġ lill-poplu Ukren

Ir-Renju Unit – li dejjem kien fost l-akbar sostenituri tal-Ukrajna (speċjalment bit-trasferiment tal-armamenti ta’ difiża state-of-the-art) fil-gwerra tagħha mar-Russja — għamilha ċara li se jibqa’ jagħti l-appoġġ lill-Gvern ta’ Volodymyr Zelensky f’dan iż-żmien delikat….Sitwazzjoni li ‘il quddiem kapaċi tqajjem it-tensjoni ma’ Washington anki jekk l-Istati Uniti u r-Renju Unit dejjem kienu marbutin bil-kunċett ta’ ‘ħbiberija u alleanza speċjali’.

Il-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, issa, qal ukoll li lest biex jibgħat it-truppi Britranniċi għaz-zamma tal-paċi fl-Ukrajna ‘meta u jekk tispiċċa l-gwerra’.

Starmer, flimkien mal-Mexxejja Ewropej, bħalissa, qed jiddiskutu fost oħrajn l-aħjar mezz biex jaslu għal ftehim ta’ paċi bejn l-Ukrajna u r-Russja u bħala proċess meqjus bħala ‘rawnd ta’ konsultazzjoni preliminarju’.

Intant, l-osservaturi f’Pariġi ma injorawx il-fatt li s-summit, imsejjaħ mill-President Franċiż, Emmanuel Macron, qed isir taħt dell tqil minħabba l-imprevedibbiltà tal-Istati Uniti li aktar tidher disposta biex tiddiskuti mar-Russja milli mal-Ewropej.

Fl-aħħar sigħat, Keir Starmer sejjaħ biex il-pajjiżi parteċipanti waqt is-summit iżidu, rispettivament, l-infiq fuq id-difiża peress li ma jistgħux jiddependu aktar fuq l-impenn totali tal-Amerikani f’dan ir-rigward.

Il-parteċipanti waqt is-summit jinkludu r-Rappreżentanti tal-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, Spanja, id-Danimarka u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – bil-PM Britanniku jenfasizza li r-Renju Unit għandu jilgħab parti prinċipali fl-impenji għat-tisħiħ ta’ difiża kollettiva.

Ir-Renju Unit jemmen bis-sħiħ li din il-kwistjoni mhix biss relatata għall-fronti tal-battalja fl-Ukrajna u meta l-istess kwistjoni, illum qed timponi sfida enormi għar-Renju Unit u l-Ewropa li huma fid-dover li jagħmlu aktar biex iħarsu s-sovranità tal-Istati indipendenti.