Raġel ta’ 29 sena residenti l-Gżira bi problema ta’ droga, ammetta quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li l-ewwel ipprova jisraq mill-Imsida u wara kkommetta seraq f’Ħal Qormi. L-ewwel darba huwa nqabad mill-Pulizija u t-tieni darba mill-vittma.
Frank Schembri ammetta li fl-10 ta’ Frar li għadda għall-ħabta tat-8.30am, ipprova jisraq minn gabbana fi Triq il-Wied, l-Imsida, liema serqa ma seħħitx minħabba xi ħaġa aċċidentali u indipendenti mill-volontà tiegħu.
Huwa ammetta wkoll li għamel ħsara li ma tiskorrix il-€250. L-Ispettur Ritienne Gauci qalet li hija kienet infurmata f’jum San Pawl li kienet inqabdet persuna qed tipprova tisraq minn gabbana wara li beda jdur ma’ xi karozzi fil-qrib.
Huwa kien irnexxielu jisgassa bieba u meta l-Pulizija marru fuq il-post semgħu xi ħsejjes u arrestaq lill-akkużat fuq il-post. Huwa ngħata d-drittijiet tiegħu u rriżulta wkoll li kellu bżonn imur għall-kura l-isptar u għalhekk ingħata l-police bail u wara li jiġi liċenzjat imur l-Għassa tan-Naxxar.
Xehed ukoll l-Ispettur James Mallia li qal li kienet seħħet serqa minn fejn numru ta’ ħwienet Ħal Qormi, eżattament fi Triq San Luqa fejn xi ħadd kien seraq xi flus. Dan seħħ fil-11 ta’ Frar, ftit qabel nofs il-lejl waqt li Schembri kien bil-police bail.
Irriżulta li Schembri seraq minn karozza fejn minn hemm ħa baskett u €300. Kien identifikat li kien hu li wettaq is-serqa għax bil-fixkla huwa ħalla xi dokumenti tiegħu fil-post. Hawn jidher li is-sieħeb tal-vittma nduna li kienet saret is-serqa u għarraf lill-imputat u dawn ġew f’argument.
L-Ispettur Mallia, qal li Schembri ħareġ martell għall-vittma. Hawn l-akkużat qal lill-Qorti li għamel hekk għax-ir-raġel ħareġ għalih u kien irrabjat u li saħansitra kien se jifgah. Il-Pulizija marret fuq il-post bl-akkużat jammetti kollox magħha x’kien wettaq. Schembri qal lill-Pulizija li huwa żvinturat għax bil-flus li seraq lanqas irnexxielu jixtri gramma droga, filwaqt li tilef €100 mit-€300 li seraq.
Il-prosekuzzjoni qalet li Schembri kkopera magħha bis-sħiħ u li ma tahomx inkwiet u li ammetta magħhom li wettaq ir-reati biex isostni l-vizzju tad-droga. Il-partijiet qablu li huwa jingħata l-minimu ta’ 20 xahar ħabs u li jingata l-għajnuna li għandu mill-problema ta’ kontra d-droga.
Il-Qorti qalet li minkejja li hemm qbil, hija tista’ ma timxix mal-patteġament. Hija ddikjarat ukoll li se tagħti s-sentenza nhar it-Tnejn, 3 ta’ Marzu fid-9.30am. Sakemm tingħata s-sentenza huwa se jinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Għall-akkużat dehret l-Avukat Nadia Fiott.
//= $special ?>