Esebizzjoni fil-foyer tal-Parlament hija aktar minn sempliċi wirja artistika – hija xhieda ħajja ta’ tama, kuraġġ u r-rieda tal-bniedem li jsib il-fejqan u jibni futur aħjar.
Hekk fisser din l-esebizzjoni l-Ispeaker Anġlu Farrugia li qal li l-opri esebiti mhumiex biss pitturi jew biċċiet ta’ arti, imma huma espressjoni intima ta’ feriti li nbidlu f’saħħa, maħluqa waqt sessjonijiet terapewtiċi mmexxija mill-Victim Support Agency. Din l-Aġenzija, fi ftit snin biss, irnexxielha tkun l-ankra għal eluf ta’ vittmi ta’ kriminalità u qed twassal messaġġ ċar li ħadd m’għandu jibqa’ waħdu fil-ġlieda għall-ġustizzja u d-dinjità.
L-Ispeaker qal li fl-erba’ snin mit-twaqqif tagħha, il-Victim Support Agency offriet appoġġ lil aktar minn 6,000 persuna u serviet ta’ vuċi għal dawk li ta’ spiss jibqgħu fis-skiet. Din l-esebizzjoni qed issir fil-ġimgħa ddedikata għall-Jum Ewropew għall-Vittmi tal-Kriminalità, osservat fit-22 ta’ Frar, jum li jfakkar fid-dmir kollettiv tas-soċjetà biex tipprovdi sostenn lil min għadda minn esperjenzi iebsa. Huwa saħaq li l-Parlament mhux se jonqos milli jassumi r-responsabbiltà tiegħu f’dan il-qasam u fakkar kif il-Kumitati parlamentari ilhom jisimgħu b’attenzjoni lil organizzazzjonijiet, professjonisti u vittmi biex jifhmu l-isfidi li jiffaċċjaw u jaħdmu biex itejbu s-servizzi offruti.
L-Ispeaker kompla billi qal li l-ġlieda kontra l-vjolenza mhijiex biss xogħol tal-istituzzjonijiet, iżda hija wkoll dmir kollettiv ta’ kulħadd. Huwa rringrazzja lill-Victim Support Agency u lil kull min ħadem biex din l-esebizzjoni ssir realtà, b’mod speċjali lil dawk li sabu l-kuraġġ jesprimu t-tbatija tagħhom permezz tal-arti. “Soċjetà li ma tiddefendix lill-vittmi hija soċjetà li tagħti lok għall-abbuż,” sostna l-Ispeaker, u appella biex kulħadd jagħti sehmu biex jinbena ambjent ta’ ġustizzja, solidarjetà u rispett lejn min hu fil-bżonn.

Graziella Attard Previ, f’isem il-Partit Nazzjonalista bdiet billi wriet l-apprezzament tagħha lill-VSA (Victim Support Agency) li taħdem biex tappoġġja u tagħti sostenn lill-vittmi tal-kriminalità li minħabba ċ-ċirkostanzi li sabu ruħhom fihom intortament u jkunu għaddejjin minn tbatija, minn emozzjonijiet diffiċli li saħansitra jistgħu jwasslu għal konsegwenzi psikoloġiċi jew saħanistra ta’ saħħa fiżika wkoll.
Hija tkellmet dwar kif bħala soċjetà rridu naħsbu f’kulħadd u b’mod speċjali f’min huwa fil-bżonn tal-għajnuna u nuruh aktar empatija billi nippruvaw nifhmu l-bniedem minn xiex ikun għadda jew għadu għaddej.
Attard Previ saħqet li l-kliem biss ma jwassal imkien. Il-‘miskin’ u l-‘jaħasra’ biss ma jsolvu xejn. Qalet li għalhekk hemm bżonn ta’ sapport morali, sapport psikoloġiku u sapport legali biex il-bniedem li jkun safa vittma jiġi megħjun.
Fl-aħħar nett hija semmiet lill-vittmi tal-vjolenza domestika u kif dawn għandhom jingħataw is-sapport kollu possibbli. Temmet tgħid li b’dispjaċir tinnota li f’dan il-qasam għad hawn ħafna ‘victim blaming’ meta l-vittma tingħata l-ħtija għal dak li tkun qiegħda ssofri minnu.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kap Eżekuttiv tal-Victim Support Agency Brian Farrugia.
//= $special ?>