Lokali Parlament

Liġi mibnija fuq il-biża’ li toħroġ iktar korruzzjoni

Albert Buttigieg, PN

Ix-Shadow Minister għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali Albert Buttigieg qal fil-Parlament li l-liġi dwar l-inkjesti hi mibnija fuq il-biża’ li toħroġ iktar korruzzjoni.

Pajjiż ikun b’saħħtu meta jkollu demokrazija b’saħħitha u mingħajrha jkun hemm ħakma tal-ftit u ħafna. Demokrazija mnaqqra twassal biex pajjiż imur lura; hekk jagħmlu r-reġimi li jnaqqru s-saltna tad-dritt.

Id-demokrazija għandha bżonn l-attiviżmu taċ-ċittadini, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-liġi dwar l-inkjesti fiha punti tajbin dwar l-informazzjoni li jingħataw lil dawk involuti iżda b’mod ġenerali din hi liġi li titfa’ dubju. Dan joħroġ mill-għaġġla li qed jaġixxi biha l-gvern biex jgħaddi liġi li tnaqqas id-drittijiet taċ-ċittadini.

Albert Buttigieg kompla li hemm numru kbir ta’ entitajiet li qed jiddikjaraw li ma jaqblux mal-gvern fuq din il-liġi flimkien ma’ mħuħ legali u b’esperjenza kbira li wkoll iddikjaraw pożizzjoni kontra din il-liġi. Lil dawn, il-gvern attakkhom kollha, sostna Albert Buttigieg, li kompla li l-ispektrum politiku kollu hu kontra din il-liġi.

Id-deputat Nazzjonalista sostna li l-gvern qed jibqa’ jgħid li hu biss jaf u li dawn kollha huma estremisti; mhuwiex jirrikonoxxi li hu jinsab fl-iżball f’liġi mibnija fuq l-arroganza u minn biża’ li joħorġu iktar każi ta’ korruzzjoni. Hu semma’ kif Malta spiċċat fil-65 post tal-indiċi internazzjonali tal-korruzzjoni u warajha hemm biss ir-Rwanda u s-Sawdi Għarabja.

Id-deputat Nazzjonalista qal li s’issa ċ-ċittadin jista’ jmur quddiem maġistrat u jitlob investigazzjoni; sitwazzjoni li wasslet biex inkixfu ċertu skandlu bħal tal-isptarijiet tant li l-Eks Prim Ministru Muscat jinsab quddiem il-Qorti. Din hi sitwazzjoni li qatt ma ġrat bħalha fil-pajjiż. Kienet l-inkjesta li kixfet l-iskandlu ta’ 17 Black tant li Keith Schembri u Konrad Mizzi jinsabu akkużati quddiem il-Qorti.

Albert Buttigieg staqsa jekk l-inkjesti miftuħa humiex se jingħalqu għaliex jekk dan isir ikun mod sabiħ biex ma titwettaqx ġustizzja. Kien il-PN fil-gvern li daħħal id-dritt li ċittadin jiftaħ inkjesta bil-maġistrat, sostna Albert Buttigieg, li kompla li l-PL għandu allergija għad-demokrazija tant li fil-passat kien wettaq vjolenza fuq il-Qrati. Il-gvern se jipproteġi wkoll lil dawk fis-settur pubbliku li jkunu kompliċi f’diversi atti. Għall-PL id-demokrazija tgħodd meta taqbel lilu u mhux dejjem.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-każ ta’ Carmelo Abela u qal li l-gvern ma jsemmix il-każ tal-Eks Ministru Giovanna Debono u r-raġel tagħha fejn il-Prim Ministru Robert Abela kien l-avukat li kien qed jiddefendi lill-persuna li akkuża bla bażi lill-istess familja Debono.

Hu sostna li l-Gvern qed jinqabad f’kontradizzjoni għaliex Carmelo Abela kien mar quddiem maġistrat biex tinfetaħ inkjesta dwar l-FTS u ma marx għand il-Kummissarju tal-Pulizija. Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern irid li ċ-ċittadin imur għand il-Pulizija iżda x’jiġri jekk il-Pulizija stess tkun involuta kif seħħ f’każ li fih uffiċjal jinsab akkużat b’ħasil ta’ flus flimkien ma’ Yorgen Fenech.