Lokali

Malta attirat iktar turisti iżda għamlu inqas iljieli f’pajjiżna

L-istħarriġ tal-MHRA li sar dwar l-2024 u li evalwa t-turiżmu f’pajjiżna, juri kif attirajna ammont ikbar ta’ turisti; iżda dawn għamlu inqas iljieli f’pajjiżna meta tqabbel mas-sena preċedenti.

L-MHRA Hospitality Performance Survey huwa stħarriġ annwali li jagħti stampa ċara ta’ kif għaddej it-turiżmu f’pajjiżna, bil-għan li titjieb is-sitwazzjoni f’dan il-qasam.

Fil-fatt, fl-aħħar xhur ġie nnutat kif Malta attirat ammont ikbar ta’ turisti u viżitaturi meta tqabbel mas-snin passati, bl-ikbar ammont kellhom bejn il-25 u l-44 sena. Dawn qattgħu medja ta’ 6.4 iljieli f’pajjiżna.

It-turisti matul l-2024 nefqu medja ta’ €141.91 għal kull jum li għamlu f’pajjiżna. U meta ġew biex jagħżlu l-akkomodazzjoni tagħhom, il-lukandi ta’ 3 stilel żdiedu iktar fil-popolarità tagħhom, b’4.4 punti perċentwali fuq l-2023.

L-iktar pajjiżi li minnhom qed jiġu turisti huma r-Renju Unit (19.8%), l-Italja (17.3%), Franza (8.3%), u l-Polonja li s-suq tiegħu żdied sew fl-aħħar snin.

Mit-total, 92% jiġu għal vaganza jew divertiment, 5% jiġu għal raġunijiet ta’ xogħol, u 3% għal raġunijiet oħra, fosthom biex iżuru qraba tagħhom.

Fid-diskors tiegħu waqt din il-preżentazzjoni, il-President tal-MHRA, Tony Zahra qal li pajjiżna jeħtieġ jiffoka iktar fuq it-turisti ta’ kwalità u mhux biss il-kwantità. Dan hekk kif turisti ta’ kwalità jfissru li jonfqu iktar ma’ kull lejl li jagħmlu f’pajjiżna.

Preżenti għal din il-preżentazzjoni tal-istħarriġ tal-MHRA kien hemm fost l-oħrajn id-Deputat Nazzjonalista Mario de Marco.