Anzjan ta’ 67 sena minn Ħal Qormi u residenti Ħal Balzan ġie illiberat mill-Maġistrat Gabriella Vella fuq każ ta’ moħqrija ta’ kelb li kien irabbi hu. Mark Ciantar kien qed jiġi mixli li fit-23 ta’ Diċembru, 2022 u fil-ġimgħat ta’ qabel ġiegħel annimali jsofru uġigħ, tbatija jew dwejjaq.
Huwa ġie illiberat wara li ma kienx ingħata twissija kontra l-liġi sabiex ma jinkriminax ruħu u l-fatt li l-prosekuzzjoni resqitu fuq ‘hearsay evidence’, mingħajr ma investigat il-każ. Stephen Carabott, rappreżentant tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali, xehed li dakinhar tat-23 ta’ Diċembru 2022, kien qiegħed duty bl-ambulanza, mal-kollega Robert Gauci.
Għall-ħabta tal-għaxra u ħamsa daħlitilhom telefonata li fil-limiti Tal-Ħandaq, f’xi razzett, minn ċerta waħda Mikelina, li kienet sabet xi kelb biex jiċċekkjawlu ċ-ċippa. Meta waslu sabu mara anzjana li qaltilhom li kien daħlilha kelb xi jumejn ilu fir-razzett, u li sakkritu fil-garaxx, tagħtu jiekol u jixrob.
X’ħin ħadithom biex jarawh, mill-ewwel apparenza dan il-kelb sabuh mitluq fuq sufan li kien hemm f’dan l-istess garaxx u mill-ewwel dehra l-kelb deher li kien f’kundizzjoni ħażina ħafna. L-għadam ta’ dahru jidher kollu, il-kustilji taż-żewġ naħat jidhru wkoll, id-difrejn tant kemm kienu twalu li ttwistjaw ‘il fuq, ‘lumps’ kullimkien u dmugħ nieżel minn għajnejh.
X’ħin ippruvaw biex ilibbsulu ċ-ċinga l-kelb ma kienx jimxi tant kemm kien kundizzjoni ħażina, u refgħuh biex imbagħad jiċċekkjawlu ċ-ċippa fl-ambulanza. X’ħin waslu viċin l-ambulanza u ċċekkjaw iċ-ċippa, sabu li l-kelb kien reġistrat fuq l-akkużat Mark Ciantar.
Ix-xhud qal li lil Ciantar kellmu bil-mobile biss u qatt ma kellmu personali. Meta kellmu u spjegalu li sab dan il-kelb, qallu li dan kien ilu mitluf jumejn u qalulu li l-kelb f’jumejn ma jiġix f’dak l-istat. Ciantar qal li kien ilu marid u x-xhud staqsih jekk kellux xi ‘vet certificates’ imqar tal-aħħar sentejn, għax dik il-proċedura biex jagħtuh il-benefiċċju tad-dubju u qal li m’għandux.
Qallu li f’dak l-istadju ma jistax jagħtih il-kelb lura u qallu li se jitkellem ma’ ta’ fuqu u jerġa’ jkellmu lura. Marru fl-uffiċċji f’Ħal-Luqa, niżlet id-Direttur u l-Manager u ra l-kelb u ġie deċiż, peress li l-kelb instab f’dik is-sitwazzjoni, ma jingħatax lura, jiġi kkonfiskat u jinbdew il-proċeduri kontrih.
Mistoqsi x’sar mill-kelb, Stephen Carabott wieġeb il-kelb tellgħu hu stess l-APH Hospital u għaddih lill-veterinarju li kien hemm dak il-ħin. Il-Qorti qalet li mill-provi prodotti mill-Prosekuzzjoni stess irriżulta bl-iktar mod ċar li meta Stephen Carabott, uffiċjal tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta’l-Annimali, ċempel lil Mark Ciantar, Carabott u d-Dipartiment minnu rappreżentat, diġà kienu qed jissuspettaw li Ciantar kien wettaq ir-reati.
Mill-atti proċesswali ma jirriżultax li l-Pulizija bagħtu għal Mark Ciantar sabiex jinterrogawh dwar dan il-każ u b’hekk jingħata d-drittijiet tiegħu u ta’ lanqas titteħidlu stqarrija konformi mal-Liġi. Li għamlet il-Prosekuzzjoni minflok li straħet fuq id-dikjarazzjoni li Mark Ciantar għamel lil Stephen Carabott fi stadju bikri.
Il-fatti juru li l-akkużat kien diġà meqjus bħala suspettat mill-Awtorità, mingħajr ebda forma ta’ twissija dwar id-drittijiet tiegħu, fosthom id-dritt tas-silenzu. Deċiżjoni din tal-Prosekuzzjoni li mhux biss ma tagħmel ebda sens iżda hija legalment u ġuridikament għalkollox inaċċettabbli u insostenibbli.
Fid-dawl ta’ dan kollu osservat, jirriżulta li bil-provi minnha prodotti, il-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova lil hinn minn kull dubju raġonevoli li l-imputat huwa ħati ta’ l-imputazzjonijiet dedotti fil-konfront tiegħu, u konsegwentement huwa ma jistax jinstab ħati.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti ma sabitx lill-imputat ħati tal-akkużi kontrih u tilliberah minnhom.
Għal Ciantar deher l-Avukat Edmond Cuschieri filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elliot Magro.
//= $special ?>