minn Michael Piccinino
Segretarju Ġenerali
Partit Nazzjonalista
Fuq naħa l-Gvern Laburista ressaq Liġi biex jipproteġi lilu nnifsu u lill-politiċi korrotti, u fuq in-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista ressaq Mozzjoni biex tgħin lill-familji Maltin u Għawdxin jaffrontaw l-għoli tal-ħajja.
Din hija d-differenza fundamentali bejn iż-żewġ partiti: waqt li l-Labour moħħu biss fil-problemi tiegħu, aħna ffukati biex ngħinu lilek.
Liġi biex jipproteġu lilhom infushom
Din il-ġimgħa l-Partit Laburista ressaq Liġi ġdida li tneħħi waħda mill-aktar għodod importanti biex niġġieldu l-korruzzjoni… id-dritt li ċittadin imur għand Maġistrat u jitlob li tinfetaħ Inkjesta Maġisterjali.
Liġi li kieku ma kenitx fis-seħħ fl-aħħar snin ma konniex nibdew naraw ġustizzja ssir fil-każ tal-Vitals jew 17Black, għax f’dawn il-każi Angelo Gafà baqa’ ma għamel xejn u ttieħdet azzjoni biss bis-saħħa tal-Inkjesti Maġisterjali miftuħa.
Robert Abela tant irid idaħħal din il-Liġi biss biex jipproteġi lilu nnifsu u lil sħabu li qed jibqa’ jwebbes rasu minkejja li din il-Liġi ġabet kundanna mill-Kamra tal-Avukati, il-Malta Chamber, il-Malta Employers, l-Eks Prim Imħallef Silvio Camilleri, l-Eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi Kevin Aquilina u għadd ta’ għaqdiet oħra mis-soċjetà ċivili.
Abela mhux talli ma semax minnhom imma talli qed jattakka lil kull min ma jaqbilx miegħu dwar din il-Liġi u jittrattah bħala għadu.
Il-PN iressaq mozzjoni b’soluzzjonijiet għall-għoli tal-ħajja
Mill-banda l-oħra, filwaqt li l-Gvern qed jaħdem biex idaħħal Liġi li tipproteġih mill-investigazzjonijiet, aħna ressaqna Mozzjoni biex tgħin lill-familji jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja. Filwaqt li huma qed jiddefendu lilhom infushom, aħna qed niddefendu l-interessi tiegħek.
L-għoli tal-ħajja llum qed iġiegħel lin-nies jagħmlu għażliet diffiċli dwar dak li jaffordjaw jixtru u dak li jistgħu jgħaddu mingħajru għax ma jaffordjawhx.
Il-prezzijiet tal-ikel, il-mediċini u servizzi essenzjali oħra telgħu b’mod sproporzjonat. Il-pagi baqgħu mwaħħlin fejn kienu, filwaqt li l-kontijiet u l-ispejjeż tal-ħajja komplew jiżdiedu. Il-konsegwenza? Inqas flus fil-but, aktar inċertezza għal min iħaddem, u livell tal-għajxien li sejjer lura.
Il-Partit Nazzjonalista, konxju minn din ir-realtà, qed iressaq soluzzjonijiet konkreti biex jgħin lin-nies. Dawn jinkludu:
■ Iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, l-COLA, m’għandhiex tkun taxxabbli;
■ Tax credits lil min iħaddem, biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja;
■ Jinħoloq Fond Nazzjonali biex nappoġġjaw lill-industrija li timporta jew tesporta, u dan biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħalli l-impatt tal-għoli tal-ħajja.
■ Naraw li jkun hawn mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li jimmiraw għal xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.
Dawn il-miżuri se jissarrfu f’aktar flus fil-but tal-ħaddiema u l-pensjonanti, f’aktar investiment minn min iħaddem u f’aktar ġid ġġenerat mill-ekonomija.
Differenza ċara bejn il-partiti
Il-ġimgħa li għaddiet kienet riflessjoni ċara ta’ fejn qegħdin iż-żewġ partiti. Il-Partit Laburista ressaq Mozzjoni biex jipproteġi lilu nnifsu mill-investigazzjonijiet fuq il-korruzzjoni, waqt li l-PartitNazzjonalista ressaq Mozzjoni biex tgħin lilek tiġġieled l-għoli tal-ħajja.
Fil-Parlament, dan ħareġ b’mod ċar. Il-Labour qed jibqa’ jwebbes rasu u jattakka lil min jikkritikah. Aħna, min-naħa l-oħra, qed nibqgħu nressqu proposti b’soluzzjonijiet konkreti biex inħallu aktar flus fil-but tiegħek.
Malta għandha bżonn bidla fit-tmexxija. Gvern li ma jara xejn ħlief il-problemi tiegħu stess ma jistax ikun Gvern li jaħdem għalik. Il-PN qed juri li hemm alternattiva, Partit Nazzjonalista li jisma’, jifhem u jippjana soluzzjonijiet reali għall-familji Maltin u Għawdxin.
Għax int jixraqlek gvern li huwa ffukat biex jgħin lilek, mhux moħħu kif jipproteġi lilu nnifsu.


