minn Mark A. Sammut Sassi
L-unika eċċezzjoni hi s-sala tal-ġinekoloġija… imma dan mhux b’għażla, iżda hi biss kustjoni ta’ bijoloġija: l-irġiel m’għandux bżonn jidħlu fiha dik is-sala.
Fl-Isptar Mater Dei taf issib sala bi tlitt irġiel u mara, mifrudin biss mill-purtieri. Jien tal-fehma li dan hu ta’ periklu għan-nisa; u barra milli ta’ periklu, hu wkoll ta’ umiljazzjoni u ta’ ansjetà.
L-artiklu ġibed l-attenzjoni tan-nies
L-artiklu jidher li laqat lil bosta qarrejja, tant li kemm jien kemm l-editur irċevejna għadd ġmielu ta’ emails u messaġġi oħrajn, kollha jesprimu tħassib serju dwar il-kustjoni. Qarrej partikolari kitibli dwar l-umiljazzjoni li lil pazjenti nisa jibdlulhom il-ħrieqi infermieri rġiel quddiem pazjenti rġiel oħrajn.
Qabel ma ktibt dak l-artiklu, kont bgħatt email lill-Ministru tas-Saħħa li fiha saqsejtu x’jaħseb minn dil-kustjoni tat-taħlit tan-nisa u l-irġiel fl-istess swali tal-isptar. Il-Ministru baqa’ qatt ma weġibni. Meta rajt dir-reazzjoni tant qawwija mill-qarrejja, ikkonkludejt li hu d-dmir tiegħi li lill-Ministru nerġa’ niktiblu.
U difatti, xi ħmistax ilu, lill-Ministru tas-Saħħa bgħattlu email oħra. Ma naħsibx li hawn min jiskanta jekk ngħid li sal-lum li qed nikteb dal-artiklu, l-Onorevoli Ministru, Rappreżentant tal-poplu f’Demokrazija Liberali, ma weġibnix. X’aktarx għax jaqbel miegħi li kif qed isiru l-affarijiet bħalissa pastażata. Però tal-anqas seta’ kitibli lura, jaqbel miegħi, u jagħtini kelmtu li se jara kif jirranġahom l-affarijiet. Minflok, xejn. Baħħ totali. Skiet assolut. Il-Ministru ma weġibnix.
Jien erġajt ktibtlu lill-Ministru
U saqsejtu dal-mistoqsijiet:
X’hemm x’jiġġustifika policy ta’ taħlit ta’ nisa u rġiel fl-istess swali fl-Isptar Mater Dei?
Il-Ministeru ma jarax il-possibbiltà ta’ periklu b’dan it-taħlit? Ma jaħsibx li jista’ jkun hemm pazjenti li jmorru “jmissu” pazjenti oħrajn tas-sess l-ieħor matul il-lejl? Ma jarax possibilità ta’ stupru, fastidju, jew tal-anqas trawma jew xokk psikoloġiku?
Kif jiġi deċiż f’liema swali jinżammu l-pazjenti nisa u l-pazjenti rġiel?
Kif jinbidlu l-ħrieqi tal-pazjenti fid-dawl tat-taħlit tas-sessi? Jitgħattew il-pudenda tal-pazjenti?
Hemm protokoll f’każ ta’ abbuż? X’inhu dal-protokoll? Il-pazjenti jiġu mgħarrfin bih, jekk jeżisti?
Saru studji dwar il-possibilità/probabilità ta’ abbuż (sesswali jew xort’oħra) fi swali mħalltin?
Kieku tkun membru tal-familja tiegħek pazjenta mara f’sala mħallta, tkun moħħok mistrieħ?
Hemm screening għal vittmi ta vjolenza domestika li jkollhom jiġu rikoverati l-isptar? Hemm proċedura biex tali pazjenti jiġi evitat lilhom li jgħaddu mill-ġdid minn esperjenzi trawmatiċi?
Xi jżommu milli jwieġeb?
Jekk jaf x’inhu jagħmel, ma naħsibx li għamiltlu mistoqsijiet daqstant diffiċli lill-Ministru. Kulma teħodlu ħames minuti biex iwieġeb. Jien għedtlu fl-email li se nkun qed nippubblika artiklu dwar das-suġġett, u qegħidt lill-editur ta’ dil-gazzetta “c.c.” fl-email. Jiġifieri l-Ministru jaf li hemm għadd kbir ta’ qarrejja ta’ dil-gazzetta li jridu jkunu jafu x’inhi l-policy tal-isptar li tiġġustifika l-eżistenza ta’ sitwazzjoni tfur bil-potenzjal li jseħħ inċident. Għaliex ma jweġibx? Għaliex dil-attitudni? Arroganza? Ras iebsa? Imbarazzament? Mistħija?
Il-Ministru possibbli ma jaqagħlux f’moħħu li dis-sitwazzjoni hi polvriera – kemm taqa’ xrara u jtir kulm’hemm? Ma jaqagħlux f’moħħu li l-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser? Possibbli ma jaqagħlux f’moħħu li jaf ikun hemm pazjent baħnan li – mingħalih protett mis-satra tal-lejl – iqum mis-sodda tiegħu, jimxi żewġ piedi u jaqbeż fuq pazjenta mara? Trid tkun ġenju biex tintebaħ li din hi possibilità reali?
Dan hu l-Gvern ta’ “L-Aqwa fl-Ewropa”, “Il-Gvern l-Aktar Femminist tal-Istorja”, “Gvern ta’ Kwalità” u għandna sitwazzjoni bħal din? Jien għalija dan hu Gvern tal-paroli. Għax min ikun serju, jintebaħ li dis-sitwazzjoni hi taħlita splussiva tistenna ras ta’ sulfarina biex iseħħ inċident ikreh.
Mela dal-Gvern jinnamra mal-għoti tas-servizz tal-abort fl-isptar, biex – skont hu – jagħti l-jeddijiet riproduttiva lin-nisa, imma mbagħad qajla jimpurtah li n-nisa jistgħu jisfgħu vittmi ta’ inċidenti sesswali fl-isptar! Din hi konfużjoni mentali li ġġiblek għajnejk wara widnejk!
Il-Ministru jaf x’inhu jagħmel?
Il-Prim Ministru li flok ma jinħela wara l-inkjesti maġisterjali, suppost qed jara x’inhu jagħmlu l-ministri, jaqbel magħha dil-policy? Kieku tkun martu jew bintu l-isptar, f’sala ma’ tlitt irġiel, jagħlaq għajn m’għajn? Jew għax ikun il-mara jew bint il-Prim Ministru jingħataw trattament speċjali, u jkollhom kamra għalihom? U jkunu biss in-nisa tal-poplu li jgħaddu mir-riskju ta’ attakk sesswali matul il-lejl?
Ja Gvern li (kont tgħid li) tisma’: il-Poplu jeżiġi r-risposti!