mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo
Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-ġlieda kontra l-faqar u Membru tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali
Il-jum it-tajjeb lil kulħadd f’bidu ta’ ġimgħa impenjattiva fejn infakkru u nwasslu messaġġi favur il-Ġustizzja Soċjali. Flimkien mat-tim tiegħi u mal-Partit Nazzjonaista, din hija s-sitt sena konsekuttiva li matulha qed tiġi organizzata din il-kampanja li sservi ta’ vuċi għal min m’għandux. Filwaqt li noħolqu l-opportunità lil dawk li jixtiequ jittkellmu u jirrakkuntaw l-inġustizzji li esperjenzaw f’ħajjithom.
Dalgħodu fil-kamra tal-Oppożizzjoni, fil-Parlament ta’ Malta, niftħu l-kampanja madwar mejda, fejn sejrin nassistu għall-ewwel sensiela ta’ esperjenzi ta’ bnedmin. Is-suġġetti jvarjaw minn Pensjonijiet sa Parental Alienation u aktar stejjer li jeħtieġu l-attenzjoni. Id-diskussjoni llum tkun immexxija minn Liam Sciberras, fejn flimkien ma’ esperti fil-kamra tiġi diskussa t-triq ’il quddiem.
Matul din il-ġimgħa se jkollna wkoll żewġ żjarat marbuta mal-Ġustizzja Soċjali; fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u d-Dar tal-Kleru, fejn insellmu lil kull saċerdot residenti fid-dar, permezz ta’ rigal ċkejken u ittra ta’ ringrazzjament għax-xogħol li wettqu matul ħajjithom biex tibqa’ ssaltan il-Ġustizzja Soċjali. Infakkru li l-Knisja kienet pijuniera tal-Ġustizzja Soċjali u dan nixtiequ li nirrikonoxxuh.
Il-Ħamis li ġej huwa Jum il-Ġustizzja Soċjali fejn tiġi organizzata l-Konferenza fil-plenarja mmexxija mill-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia. Inkomplu nisimgħu aktar esperjenzi u kuntrasti ta’ bnedmin li f’ħajjithom jispikkaw xenarji ġodda ta’ miżerji u li ta’ min jesponihom għall-ġid ta’ soċjetà aktar sana.
Il-Ġimgħa nagħlqu l-kampanja b’attività soċjali fejn jiġu rikonoxxuti bnedmin li ħadmu f’ħajjithom u fis-skiet b’risq il-Ġustizzja Soċjali. Din is-sena sejrin nippremjaw tliet persuni, ġejjin minn oqsma differenti iżda b’għan simili … dik li jibnu soċjetà ġusta u ugwali għal kulħadd.
Matul din il-ġimgħa nesponu stejjer ta’ bnedmin li għaddejjin minn tbatijiet umani fl-isfond ta’ bnedmin oħra li mhux biss għaddejjin tajjeb, imma li b’mod inġust messhom porzjon ferm ikbar mit-torta li ma tqassmitx fost l-ulied b’mod ġust u ekwu. Dan hu l-kumpass ta’ ’l fejn sejra s-soċjetà tagħna fir-rigward tal-Ġustizzja Soċjali, liema direzzjoni li tiżbilanċa l-miżien, l-aktar fejn tidħol l-umanità. Għax meta tisfrutta lill-oħrajn, il-bniedem isir xejn. Ismu jintilef.
Ma ninsewx ukoll il-faqar tal-barranin f’pajjiż li jimminimizza l-qagħda mwiegħra tagħhom. Meta importaw lil dawn il-ħaddiema f’pajjiżna, insew jesportaw ukoll id-drittijiet. U r-riżultat ovvju kien li twarrbet id-dinjità ta’ eluf ta’ ħaddiema barranin u magħha wkoll id-dinjità tal-ħaddiema Maltin.
Il-ħaddiema barranin qegħdin jiġu mbuttati fis-suq iswed għax is-sistema qiegħda tgħaddashom f’xogħol prekarju anke meta jħallsu somom kbar sempliċement biex jibdew jaħdmu f’Malta. Dawn huma vittmi tal-ekonomija tal-lum li qed tisħaq setturi sħaħ tas-soċjetà taħt saqajha.
Fil-konferenza tal-Ħamis, se nsegwu mill-viċin żewġ esperjenzi minn barranin li t-tnejn li huma esperjenzaw inġustizzji, f’pajjiż ċivilizzat u f’pajjiż li suppost ħaddan il-valuri tas-solidarjetà u l-ġid komuni, fost oħrajn.
L-aġenda tagħna tibqa’ dik li npoġġu lill-bniedem fil-paġna tan-nofs, fejn kulħadd ikollu opportunitajiet indaqs biex jirnexxi, u li dan ikun ifisser li l-pass fid-direzzjoni t-tajba jkun li nkissru l-ostakli li jifirduna. L-għan tagħna lkoll hija soċjetà ħajja li tippromwovi l-ugwaljanza, l-inklussività u d-drittijiet tal-bniedem, li kulħadd jieħu dak li jistħoqqlu mingħajr favuri u preferenzi. Fuq kollox li nagħrfu l-ħiliet ta’ dawk li għandhom, biex imexxu ’l quddiem f’pożizzjoni u responsabbiltà mistħoqqa, għall-ġid komuni. Ilkoll kemm aħna jeħtieġ li nieħdu xi ħaġa minn din il-ġimgħa, dik li ma nagħlqux għajnejna quddiem inġustizzji li jtappnu s-sabiħ li xi darba kellna. Madankollu nibqghu nisfidaw il-kumpass, niddefendu l-ġustizzja soċjali, inħaddnu ħsibijiet ġusti u nkunu ambaxxaturi tas-sewwa.
Fuq kollox jeħtieġ li tidħol fik innifsek, taħseb, twieġeb u tevita li ma tħossokx u tagħżel li ma tkun qatt bħal dak il-ġenitur dejjem fis-sakra, fejn jonfoq flusu fl-alkoħol u t-tbaħrid, filwaqt li wliedu u ommhom kontinwament jissieltu biex jibqgħu għaddejjin b’ħajjithom, weħidhom f’dar vojta, umduża, agħar minn qabar kiesaħ.
Kull min jeħtieġ aktar informazzjoni dwar din il-ġimgħa li bdejna flimkien, jista’ jikkomunika mat-tim tiegħi fuq 77480241.
//= $special ?>