Internazzjonali

Stati Uniti-Tajwan: ‘Kwistjoni ta’ kliem’ li qanqlet it-tħassib taċ-Ċina

Iċ-Ċina esprimiet rabja għall-fatt li l-Istati Uniti, issa, donnha li qed tippreżenta l-kunċett tat-‘Tajwan indipendenti’ bħala possibbiltà. Il-kwistjoni kapaċi tirriżulta f’battibekk ieħor jaħraq bejn Washington u Beijing  wara li d-Dipartiment tal-Istat Amerikan neħħa stqarrija mill-websajt li kienet tgħid li ‘l-Amerikani ma jappoġġjawx l-indipendenza tat-Tajwan’ … Gżira Stat li ċ-Ċina qed tinsisti li hu territorju tagħha ‘bħala dritt’.

Il-Gvern Ċiniż qal li din ir-reviżjoni ‘qed tibgħat sinjal qarrieqi lill-qawwiet separatisti li qegħdin jaħdmu għall-indipendenza tat-Tajwan’ filwaqt li talab biex l-Istati Uniti ‘issewwi dan l-iżball’.

Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan qed jgħid, intant, li l-istqarrija tneħħiet bħala parti mill-‘aġġornament’ tal-websajt. Madankollu, il-kelliema f’Washington qalu li l-Istati Uniti, alleata tat-Tajwan, xorta għadha impenjata għall-politika ta’ ‘Ċina Waħda’… rikonoxximent li l-Istati Uniti għandha r-rabtiet formali maċ-Ċina aktar milli mat-Tajwan.

Iċ-Ċina tqis lit-Tajwan bħala provinċja ribelluża u ma teskludix l-użu tal-forza militari biex tassumi l-kontroll sħiħ fuq din il-Gżira Stat. Dan meta ħafna Tajwaniżi jqisu lilhom infushom poplu indipendenti – b’oħrajn la jridu dikjarazzjoni ta’ indipendenza uffiċjali u lanqas għaqda sħiħa maċ-Ċina.

Sadanittant, l-aġġornament tal-factsheet tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan iqanqal ukoll lok għal tħassib bl-istqarrja li ‘l-Istati Uniti se tappoġġja s-sħubija tat-Tajwan fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u fejn is-sitwazzjoni titqies bħala ‘applikabbli’.’