Lokali

Tnejn arrestati f’Tal-Pietà b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga

Kmieni dalgħodu ġew arrestati żewġt irġiel wara li allegatament kienu qegħdin jittraffikaw id-droga.

Wara ġranet ta’ sorveljanza fuq stabbilmenti fi Triq Qrajten, Tal-Pietà, dalgħodu għall-ħabta tas-6 am, Pulizija avviċinaw stabbiliment fejn innutaw liż-żewġt irġiel fuq barra tiegħu jgħaddu xi affarijiet lil xulxin.

Tfittxija li saret fuq ir-raġel li għandu 43 sena u jgħix il-Mosta, instabu qratas ta’ sustanza suspettata droga eroina, allegatament lesti biex jiġu ttraffikati. Raġel ta’ 51 sena u li joqgħod il-Gżira qed jinżamm ukoll arrestat.

L-irġiel qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.