Lokali

Abela juża l-istess għodda li jrid iċaħħad lill-Maltin minnha f’tentattiv iddisprat biex jipprova jġib lill-PN jaqbel miegħu

Imma l-PN mhux se jċedi għal dan it-tentattiv iddisprat mill-fazzjoni faxxista fi ħdan il-Labour li issa ħadet kontroll assolut tal-partit ta’ Robert Abela

Robert Abela qed juża l-istess għodda li jrid li jċaħħad lill-Maltin minnha f’tentattiv iddisprat biex jipprova jġib lill-Partit Nazzjonalista jaqbel miegħu li għandu jneħħi d-dritt liċ-ċittadini milli jitolbu inkjesta maġisterjali.

Imma mhux se jirnexxilu. Għax il-Partit Nazzjonalista determinat li jibqa’ jopponi b’qawwa l-liġi faxxista ta’ Robert Abela biex ineħħi d-dritt li jinfetħu inkjesti maġisterjali.

Fl-aħħar tentattiv iddisprat ta’ Abela li juri kemm jinsab dahru mal-ħajt u li issa tilef kull kontroll fuq il-fazzjoni faxxista fi ħdan il-Labour li ħakmet il-partit tiegħu, il-Prim Ministru qed jinqeda bit-tibdil li jrid jagħmel fil-liġi tal-inkjesti maġisterjali biex jagħlaq ħalq il-Partit Nazzjonalista, kif jagħmel ma’ kull min mhux qed jaqbel miegħu.

Wara l-attakk li fetaħ fil-Parlament fuq il-ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista dakinhar tad-dibattitu dwar il-liġi tal-Inkjesti Maġisterjali, issa Robert Abela ra kif għamel biex jinfetħu żewġ inkjesti maġisterjali ġodda kontra l-PN u l-ħaddiema tiegħu, u kontra l-Kap tal-PN Bernard Grech.

Wara li rrepeta l-akkużi bla bażi ta’ Karl Stagno Navarra, issa Abela kompla jikkonferma li l-fazzjoni faxxista fil-Labour tiddetta x’għandu jsir hekk kif poġġiet fil-prattika dak li ddikjara l-Prim Ministru fil-Parlament il-ġimgħa l-oħra, bil-ftuħ ta’ dawn iż-żewġ inkjesti maġisterjali.

Ironikament, fl-istess nifs Abela u l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard qed jibqgħu għaddejjin bil-kampanja tagħhom biex akkost ta’ kollox ineħħu d-dritt lill-Maltin u l-Għawdxin li jiftħu inkjesta maġisterjali f’tentattiv iddisprat li jipproteġu lilhom infushom u lill-politiċi korrotti mill-investigazzjonijiet dwar il-korruzzjoni.

Tibdil li kulħadd qed joħroġ jikkundannah, inkluż issa anke l-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino li ngħaqad mal-kor ta’ individwi u għaqdiet li qed jesprimu t-tħassib serju tagħhom dwar dak li jrid jagħmel Robert Abela. Lista li tinkludi wkoll lill-eks Prim Imħallef Silvio Camilleri, il-Professur Kevin Aquilina, il-Kamra tal-Avukati, il-Malta Chamber u diversi organizzazzjonijiet oħra.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li dan mhux l-ewwel attakk faxxista fuq il-Kap tal-PN, anzi huwa eku tal-attakk stil faxxista li kien fetaħ Abela fuq Bernard Grech meta bagħat id-drone fuq id-dar tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jivvinta storja fuqu. Dan meta Abela kien dahru mal-ħajt u pprova jdawwar l-attenzjoni minn fuq l-iskandlu tal-permess li kien inħariġlu biex jirdoppja l-villa tiegħu fiż-Żejtun wara li din ġiet estiża lejn art ODZ.

Dakinhar, Abela kien inkixef għax ftit biss wara li ordna lis-Super One biex jibagħtu drone illegalment fuq id-dar ta’ Bernard Grech u jivvintaw din l-istorja, kien mar jitkellem mal-ġurnalisti barra l-Parlament u qalilhom li kien se jiżvela dettalji dwar il-proprjetà tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Quddiem dan kollu, il-Partit Nazzjonalista jwieġeb li l-ebda tattika minn Abela mhi se tagħlaqlu ħalqu u li dan mhu xejn għajr tentattiv iddisprat minn Abela u l-fazzjoni faxxista tal-Labour biex tipprova ssalva ġildha mill-korruzzjoni rampanti li qed tifni lill-Gvern Laburista. Taħt Abela, ftit jiem biss ilu, Malta reġgħet niżlet għaxar postijiet oħra ’l isfel fl-indiċi internazzjonali tal-korruzzjoni.

Imma mingħajr mistħija ta’ xejn Abela u l-fazzjoni faxxista fi ħdan il-Labour tipprova tagħti dak li hu tagħha lil ħaddieħor.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista jagħmluha ċara li tant ma għandhom xejn minn xiex jibżgħu li se jibqgħu jopponu b’qawwa l-liġi faxxista ta’ Robert Abela biex ineħħi d-dritt li jinfetħu inkjesti maġisterjali.