Lokali

“Abela qed jhedded id-demokrazija u s-saltna tad-dritt”

Il-proposti għat-tibdil fil-liġi tal-inkjesti maġisterjali se jkunu qed inaqqru sew mid-dritt taċ-ċittadini li jżommu persuni fil-ħajja pubblika kontabli ta’ għemilhom, u ta’ aġir kriminali li jistgħu jwettqu. Dan kollu hu theddida diretta fuq is-saltna tad-dritt.

Sostna dan il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino, li ngħaqad mal-Eks Prim Imħallef Silvio Camilleri, il-Professur Kevin Aquilina, il-Kamra tal-Avukati, il-Kamra tal-Kummerċ u diversi għaqdiet oħrajn flimkien ukoll mal-Partit Nazzjonalista – hekk kif issa anke Said Pullicino esprima t-tħassib serju tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet li jrid idaħħal Robert Abela.

L-Eks Prim Imħallef u Eks Ombudsman sostna li l-Gvern qed jaqbeż il-linja l-ħamra b’dan l-aġir u li dak li jrid Robert Abela hu li jagħmilha aktar diffiċċli għal ċittadin normali biex jitlob għal ftuħ ta’ inkjesta maġisterjali.

Huwa insista li jaqbel totalment ma’ dak li qal il-Prim Imħallef Emeritu Silvio Camilleri; ċioè li l-Prim Ministru jrid dawn il-bidliet sempliċiment biex jiddefendi lill-politiċi u l-persons of trust tagħhom minn kwalunkwe investigazzjoni.

Said Pullicino sostna li ma jista’ qatt jaqbel ma’ dawk li minflok jiddibattu s-suġġett joħorġu jattakkaw u jgħajru għall-interessi partiġjani. Hu stqarr ukoll li filwaqt li l-kontenut tat-tibdil fil-liġi li qed jimbotta l-Gvern għadu mhux magħruf bi preċiż, huwa inkwetanti li Robert Abela deċiż li jibqa’ għaddej romblu akkost ta’ kollox minkejja l-appelli li qed isirulu mill-esperti u professjonisti fil-qasam.

Huwa spjega li dan kollu huwa theddida kbira għad-demokrazija tal-pajjiż u s-salta tad-dritt.

Said Pullicino insista li l-Gvern u l-Prim Ministru ma jistgħux jaqbdu u jiddikkjaraw persuni suspettati quddiem il-Qorti bħala innoċenti; bħalma qed jagħmel l-istess Abela b’rabta mal-iskandlu Vitals.

Huwa stqarr li ċertu stqarrijiet kategoriċi ġejjin minn persuni f’awtorità jistgħu jaffettwaw ġuri b’mod mill-aktar irreparabbli.

Finalment spjega li dawn il-proposti huma mhux biss offensivi għas-saltna tad-dritt, imma għall-governanza tajba, għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali ta’ vittmi ta’ reati kriminali.