L-għaqda Animal Guardians Sanctuary Malta ħabbret petizzjoni mmirata lejn il-Gvern sabiex jinfetaħ sptar tal-annimali li hu miftuħ kuljum matul il-ġurnata kollha. Fuq din is-sitwazzjoni, l-għaqda qed tinsisti li l-Ministru Anton Refalo, li suppost hu responsabbli mid-drittijiet tal-annimali, mhux vera jinteressah mid-drittijiet tal-annimali, u hija l-inqas prijorità tiegħu.
Dan l-aħħar qed jiżdiedu l-istejjer ta’ persuni li jiġu fi bżonn kura medika urġenti għall-annimali tagħhom, iżda bil-lejl, fil-weekends u f’festi pubbliċi ma jsibu ebda veterinajru li jista jaqdihom, u ħabba f’hekk ġieli l-annimali spiċċaw jitilfu ħajjithom. Hemm bżonn sptar tal-annimali 24/7 b’mod urġenti sabiex ikollom il-kura meħtieġa.
L-annimali domestiċi mhumiex biss annimali, iżda huma membri għeżież tal-familji tagħna, li jistħoqqilhom empatija, kura u rispett.
Huma qed jitolbu wkoll sabiex ikun hemm bidliet immedjati u sinifikanti fid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali biex itejbu l-kura tal-annimali, u jiżguraw it-trasparenza biex l-annimali tat-triq jirċievu r-rispett u l-kompassjoni li jixirqilhom fiż-żminijiet ta’ bżonn.
Wieħed jista’ jiffirma l-petizzjoni hawn: http://ipt.io/MFU2Q