Lokali

“Dejjem aktar trasparenti l-indħil tal-Prim Ministru biex il-kriminali ħbieb tiegħu ma jeħlux” – Repubblika

Fi stqarrija, l-għaqda Repubblika sostnew li minn dak li qed jaraw fil-Qorti qed jiffurmaw il-fehma li hemm ftehim kollussiv bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża biex il-każijiet kontra kriminali ħbieb ta’ Robert Abela jaqgħu. Dan reġa deher fit-twaqqigħ tal-każ kontra Christian Borg.

Christian Borg ġie illiberat mill-prosekuzzjoni kontrih ordnata minn Qorti fejn Christian Borg xehed falz. Il-Pulizija lanqas biss ġabu bħala prova t-traskrizzjoni tax-xhieda ta’ Christian Borg fejn kien xehed falz. Kulma kellhom jagħmlu kien li jħarrku r-reġistratur tal-qorti biex jikkonferma dak li ġara quddiem qorti oħra. Din il-prova sempliċi u bażika, il-Pulizija ma ppreżentawhiex.

Li kieku dan kien żball, kieku qed nisimgħu apoloġija tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija u miżuri dixxiplinarji kontra min ħadu. Dan ma kienx żball. Is-silenzju tagħhom jikkonferma l-korruzzjoni manifesta tas-servizzi tal-prosekuzzjoni.

Dan kien att vili ta’ awtosabutaġġ tal-Pulizija tal-każ li ġabu quddiem il-Qorti għax kienu ordnati jressquh minn qorti oħra.

L-agħar inġustizzja li qed isofri pajjiżna hi li l-kriminali ħbieb ta’ Robert Abela ma jista’ għalihom ħadd u t-tmexxijja tal-Pulizija tagħna disposti jagħmlu xogħolhom ħażin biex jipproteġuhom.