Mario de Marco, PN
Ix-Shadow Minister għat-Turiżmu Mario de Marco qal fil-Parlament li bl-emendi dwar l-inkjesti, il-gvern qed jgħakkes lin-nies b’bullying statali.
Mario de Marco qal li l-gvern qed jagħmel abrogazzjoni tad-dritt taċ-ċittadin li jiftaħ inkjesta. Dan qed isir meta Malta waqgħet 10 postijiet fl-indiċi tat-trasparenza u tinsab fil-65 post minn 100; l-agħar pożizzjoni li qatt kisbet Malta minn kemm ilu jsir dan l-indiċi. Proprju f’dan il-perjodu l-gvern qed idgħajjef il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, sostna Mario de Marcoi, li kompla li l-gvern qed jgħin lill-korrotti.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li dan qed jgħiduh ukoll il-Maltin ta’ rieda ta’ tajba, l-assoċjazzjonijiet ta’ rieda tajba, il-Prim Imallef Emeritu Silvio Camilleri li ddeskrieva din ir-riforma bħala intiża biex tgħatti lill-politiċi u l-persuni ta’ fiduċja tagħhom minn investigazzjoni.
Mario de Marco kompla li wara dan id-diskors, il-gvern ħareġ jattakkah b’mod qawwi inkluż il-Ministru Johnaton Attard. Iżda mhux biss Silvio Camilleri ħareġ jikkritika din il-miżura, iżda anki l-Eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino li qal li dan l-abbozz ta’ liġi se jimmina l-fondazzjoni vera tad-demokrazija u s-saltna tad-dritt.
Id-deputat Nazzjonalista staqsa jekk issa l-Ministru tal-Ġustizzja hux se joħroġ jattakka lill-Es Prim Imħallef Said Pullicino għall-kritika li għamel. Hu qal li anki l-Imħallef Giovanni Bonello kkritika din il-liġi u kompla li anki l-Professur Kevin Aquilina esprima l-preokupazzjoni tiegħu. Minbarra dawn, kien hemm ukoll il-Kamra tal-Avukati, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Kamra tan-Negozju Żgħar u Medji li kkritikawha. Għalhekk quddiem din is-sitwazzjoni, il-Ministru tal-Ġustizzja mhuwiex jirrealizza li qed jagħmel il-ħażin għax hu mbeżża’ mill-allegazzjonijiet ta’ korrotti li jridu jwaqqfuhom akkost ta’ kollox.
Mario de Maco kompla li l-gvern irid joqtol l-aċċess għal inkjesta maġisterjali u issa ċ-ċittadin irid imur għand il-Pulizija l-ewwel. Kieku l-Pulizija kienet effiċjenti kien ikun hemm min jifhem din is-sitwazzjoni, iżda fl-aħħar 10 snin inbidlu sitt Kummissarji tal-Pulizija.
Il-gvern issa jrid li min qed jitlob inkjesta, jispiċċa jagħmel inkjesta hu għaliex kollox irid ikun preżentat miċ-ċittadin qabel tinfetaħ inkjesta. Il-Pulizija mbagħad iridu jinvestigaw u jiddeċiedu huma jekk jimmeritax investigazzjoni jew jekk issirx talba għal inkjesta. Wara dan, wara sitt xhur, iċ-ċittadin irid jagħmel rikors lill-Qorti Kriminali u tkun il-Qorti Kriminali li tikkunsidra l-provi u tagħmel udjenza u tisma’ lill-Pulizija, lill-persuni li għamlu r-rapport u lill-persuni suspettati flimkien ma’ xhieda oħra.
Iċ-ċittadin mhuwiex l-investigatur, sostna Mario de Marco, li kompla li wara din l-udjenza jekk għandhiex issir inkjesta, il-Qorti trid tiddeċiedi tilqax it-talba tal-persuna li għamlet ir-rapport. Hu qal li m’hemmx dritt ta’ appell minn din id-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali u spjega li dan hu ksur tad-drittijiet taċ-ċittadini. Jekk il-Qorti Kriminali tiddeċiedi li trid issir inkjesta jrid ikun hemm provi biżżejjed biex issir inkjesta.
Mario de Marco kompla li hemm parti mill-emendi li huma retroattivi u żied li jekk issir l-inkjesta, jekk il-maġistrat iqis li l-persuna suspettat tkun tqiegħed taħt akkuża infondati, il-maġistrat jista’ jiddeċiedi li jikkudanna lil min għamel ri-rapport li jħallas l-ispejjeż. Dan hu bullying statali, sostna Mario de Marco, li qal li dan hu gvern li qiegħed hemm biex jgħakkes lin-nies.
//= $special ?>