Lokali

Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo jżur il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fil-ġimgħa għall-Ġustizzja Soċjali

Fl-okkażjoni tal-Ġimgħa għall-Ġustizzja Soċjali, id-Deputat Nazzjonalista, Ivan Bartolo żar il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn hemmhekk setgħu jifhmu aħjar il-fatt li għamlet x’għamlet persuna qatt m’għandha tkun raġuni biex tbegħidna mill-umanità għaliex dawn il-persuni wkoll għandhom qalb.

Se ssir ukoll żjara fid-Dar tal-Kleru, fejn kull saċerdot residenti fid-dar se jingħata rigal ċkejken u ittra ta’ ringrazzjament għax-xogħol li wettqu matul ħajjithom biex isseħħ il-ġustizzja soċjali.

Biex imbagħad, il-Ħamis, proprju f’Jum il-Ġustizzja Soċjali, se tiġi organizzata l-konferenza fil-plenarja mmexxija mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia. Hawnhekk ikomplu jinstemgħu aktar esperjenzi u kuntrasti ta’ individwi.

L-għada tiġi fi tmiemha din il-kampanja b’attività soċjali fejn jiġu rikonoxxuti nies li ħadmu fis-skiet matul ħajjithom b’risq il-Ġustizzja Soċjali. Din is-sena se jiġu premjati tliet persuni li ġejjin minn oqsma differenti iżda b’għan simili – dak li jibnu soċjetà ġusta u ugwali għal kulħadd.