Ivan Bartolo, PN
Ix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo, qal fl-Aġġornament tal-Parlament li d-diskors dwar il-ġustizzja soċjali għandu jsir kuljum.
Ivan Bartolo qal li din hi l-ġimgħa dwar il-ġustizzja soċjali u appella biex kulħadd ifittex liż-żgħar għax dan jagħmel unur. Hu sostna li ż-żgħar biss jgħallmu kif titmexxa t-triq tal-ġustizzja soċjali fost kulħadd. Huma ż-żgħar, il-priġunieri u l-foqra flimkien mal-imwarrba, li jistgħu jgħallmu lis-soċjetà xi tfissser ġustizzja soċjali.
Ivan Bartolo kompla li mill-kbarat ma tista’ tieħu xejn ħlief il-konservazzjoni tal-istrutturi inġusti. L-iżvantaġġjati jinsabu kullimkien, f’kull komunità u f’kull istituzzjoni. Hu appella biex dawn ikunu mfittxija biex kulħadd jikber bħala uman. Dawn għandhom jingħataw widen u jkunu fdati waqt li jingħataw l-aqwa importanza fis-soċjetà.
Ivan Bartolo sostna li hawn min ikun quddiem nett biex juri l-integrità li suppost għandhom iżda dawn ix-xeni ma jimpressjonawx. Għal dawn in-nies, ġustizzja soċjali tfisser karità li ma tfisser xejn ħdejn l-armla li tat kulma kellha fis-sinagoga.
Hu qal li dawn in-nies ftit għandhom empatija maż-żgħir u jirraġunaw li post iż-żgħir hu li jiġbru l-iskart mit-toroq. Dan hu elitiżmu sfrenat, sostna Ivan Bartolo, li kompla li l-elitisti ma jsirux deheb iżda trab; bħaż-żgħir. Il-vittmi tal-inġustizzja jmutu vittimi iżda Alla jibqa’ jaf lil dawk li jkunu magħhom; bnedmin tajba jeżistu wkoll anki fil-politika bil-ġlieda kontra l-faqar u l-intolleranza.
Ivan Bartolo rrikonoxxa l-isforz tal-Knisja u sostna li għaddej sforz biex il-ġlieda kontra l-faqar tibda titwettaq tabilħaqq. Dan hu sinjal tajjeb għall-familji li qed ibatu, sostna Ivan Bartolo, li kompla li r-rapporti ma jiżolqux minn idejn l-awtoritajiet. Id-diskrepanza li biha qed togħla l-ħajja u r-rata ta’ dħul medju ma kibritx bl-istess biex il-ħajja tibqa’ sostenibbli, sostna Ivan Bartolo, li qal li d-diskors dwar il-ġustizzja soċjali għandu jsir kuljum.
//= $special ?>